Wednesday, July 09, 2008

BlobbIllum

Malli nqarrbu il-35 grad...

...l-arja tibda titwaħħad miegħek bħal qarnita u bilkemm tħallik tieħu nifs. Hekk hu s-sajf mediterranju; (m'aħniex iċ-ċentru tad-dinja, hawn diversi pajjiżi oħra jgħaddu minn dan is-suffraġju) tidlik, riħ isfel, nemus u qali ta' bajd (jew ta' ġenituri) fil-karozzi u fuq il-bonnets. F'pajjiż fejn l-air conditioner sar bżonn u mhux lussu, jekk tixref rasek barra bejn l-10 ta' filgħodu u l-4 ta' wara nofsinhar tkun qed tirriskja ħajtek għax tlaqqgħat xi kanċer tal-ġilda f'radda ta' salib. Ħalliha li t-turisti l-hena tagħhom jinkaljaw f'dik ix-xemx li lanqas il-gremxul u l-bugħarwien ma jifilħu għaliha. Imma dawk fiex jifhmu? Dawk jagħmlu ġimgħa u jparpru jistkennu fl-arja gradevoli tat-tramuntani tal-ewropa fejn l-ebda pjanta ma tinħaraq jew tixxawwat bir-raġġi tax-xemx. Soluzzjonijiet? Jeżistu, imma għal ħin limitat. Għall-ġisem tista' tpoġġi xugaman imxarrab b'ilma kiesaħ (jekk jirnexxielek issib) u tmiddu fuq saqajk. Jaħdem u għal ftit ħin saħansitra jikkonvinċik li qed tħoss il-bard. Għall-psike, tista' tintefa' tara film jew dokumentarju fuq jew ambjentat fis-silġ. Hemm diversi mnejn wieħed jista' jagħżel (Alive, March of the Penguins, Alaska u Ice Age) li bla ma jridu jagħtuk l-impressjoni li t-temperaturi ta' barra mhumiex għoljin daqskemm fil-fatt huma.

Mess lil Eileen Montesin, lil Rachel Vella...

...u issa kien imiss ukoll lil Prim Ministru. Xi ħadd b'ħafna ħin x'jaħli rnexxielu jiħħekkja l-wikipedia u mmodifika estensivament il-paġna ddedikata għall-ħajja personali u politika ta' Lawrence Gonzi. Iċ-ċajt is-salmura tal-ħajja, imma imbagħad iż-żejjed kollu żejjed.

Ma nafx għaliex...

...ħafna mill-aħbarijiet qegħdin jippruvaw inaqqsu mil-mertu tal-low cost carriers li għenu sabiex ikollna aktar ċaqliq ta' nies minn pajjiżna. Huwa sigriet magħruf li l-Maltin kollha ħadu nifs twil ta' solljev meta skoprew li tista' ssiefer sa post Ewropew u lura b'inqas minn €100.

Jumejn oħra...

...u d-dinja dduq l-inteliġenza tal-iPhone 3G bi prezz relattivament baxx. Għalissa ma kontx beħsiebni ngħodos fl-ibħra tal-madwar għax ħuħ il-kbir (l-iPhone) jaqdini sew u kull meta jkolli bżonn. Fortunatament, l-ispetturi tal-Apple ħasbu biex jipprovdu software bil-lest għal min diġà għandu l-ewwel wieħed. Tgħidli qalbi t-talb ta' Jacques ma wasalx u subgħajna se jkollna nużawh aktar milli wieħed seta' qatt jimmaġina *themiża*.

0 Comments:

Post a Comment

<< Home