Żaru
Qatt m'azzardajt nersaq anqas minn għoxrin metru u meta kont inħares lejh kont inħares bis-serqa mingħajr ma nħallih jinduna. Raġel imbaċċaċ, ftit xagħar, xi naqa minnu misluf ukoll. Forsi kellu madwar ħamsa u sittin sena imma qatt ma deher mitluq jew magħkus. Dejjem kien iżomm leħja ta' jumejn jew tlieta li kienet ittih xeħta ta' bniedem ħażin aktar milli forsi fil-fatt kien. Għajn minnhom, ġenerlament dik xellugija, kien iżommha mgħollija 'l fuq, bħal qisu qed jgħarbex u jgħarrex kull insett li jinzerta għaddej minn quddiemu. Qatt ma rajtu jitbissem, qatt ma rajtu jitkerraħ - dejjem bl-istess espressjoni għal snin twal.
Kont narah kuljum jitlajja fil-pjazza ta' Santu Rokku, jistrieħ fuq xi bank jew maġenb il-konka tas-siġra jien u sejjer lejn id-duttrina. Ġieli kien joqgħod fil-bieb tal-latrina imma forsi ħabba l-intejjen tal-awrina rari kont sirt narah hemm, b'sieq minnhom stampata mal-koxxa tal-bieb. Il-post favorit tiegħu pero minn dejjem kien fuq it-tliet għetiebi tal-ħanut tal-laħam. Ma nafx kif sid il-ħanut qatt ma qalu xejn għax minn dejjem nafuh bħala l-fonqla tar-raħal. Ma' Żaru kien ikun hemm ġeneralment Ċaflas (għax dejjem kien iffissat fuq li jkollu l-bankina ta' quddiem il-bieb umda), iż-Żugumbu u Vitor ta' Majru. Lilu qatt ma rajtu jitkellem, dejjem maqtugħ għalih iżavżav f'dik il-pipa kannella skura kważi sewda.
Madwaru kien ikun hemm idur u jimraħ id-duħħan ifewwaħ ta' tabakk li bħal donnu meta għadda mil-kanali jaħarqu tal-pipa ħalla ħielsa fwieħa li qabel kienet imsakkra fil-pjanti mnixxfin.
"Ara jfettillek tersaq lejh... ma jmurx jaħtfek!" kienet tgħidli ommi mingħajr qatt m'offrietli raġunijiet konkreti. Kont nobdiha, bejn għax kienet ommi u bejn għax vera kellu xeħta ta' wieħed li jaħtaf it-tfal, jorbothom fi xkora u Alla jaf meta jerġa' jirritonahom lura lejn il-ġenituri tagħhom, jekk jirritornahom.
F'lejla sajfija minnhom, jien u sejjer lura d-dar, nerġa' narah hemm fl-istess post. Did-darba ma kellux pipa f'ħalqu. Minflok f'id minnhom kellu basket tal-plastik abjad mimli frott u ħxejjex. Kien hemm vann kbir u b'ħorn b'ħanxra daqsiex beda jipprova javża lil kulħadd li wasal. Hekk jew b'hekk l-għajta nofs il-bejgħ!
F'dak il-waqt nara vann abjad magħluq jieqaf ħdejn tal-ħaxix, jipparkja bil-mod u jibqa' startjat. Joħorġu żewġt iġluf minnu liebsin l-abjad minn fuq s'isfel b'dawk il-krakar tal-koki taljani, bojod u mtaqqbin. Żaru bħal qisu inħasad, donnu bassar x'kien ġej. Mingħajr ma tawħ ċans jagħmel xi reazzjoni qabduh minn taħt għabtu u żammewh sod morsa. Ippannikja, ipprova jinħeles, tajjar il-basket bil-frott imma għalxejn. Ċeda. Mexa bil-mod lejn il-vann magħhom u daħal bil-kwiet. It-tuffieħ u l-larinġ beda jirrombla mal-art u karozza li kienet għaddejja dak il-ħin kważi żelqet fuqhom.
"Żaru każ mentali"
2 Comments:
Kif tiddiskrevi l-karattri inti m'hawn hadd.. u dan kumpliment kien :)
15:18
storja li qanqlietni hafna....
14:10
Post a Comment
<< Home