Roxanne (ii)
Ħarġet-il barra biex tfittex tasal id-dar. Qabdet tal-linja u sakemm waslet id-dar kienet insiet kull ħaġa li ġrat f’dak il-burdell immuffat ta’ dar.
Waslet darha. Malli daħlet kważi tfixklet f’dublett li kellha mixħut addoċċ mal-art. Tgħaddi ħafna minn ħinha barra u ma tantx ikolha ċans tagħti kas tara jekk darha hix pupilla jew le. L-ewwel ħaġa li ġietha f’moħħha biex tagħmel kien li tmur tieħu xower komdu u sħun. Lestiet u bdiet tiżbarazza bil-mod.
Għaddew xi erba’ sigħat minn mindu daħlet id-dar meta daqq it-telefon ippanikjat. Ħasadha għax it-telefon għandu vizzju jdoqq meta lanqas li tkun qed tistennieh. Tmut bil-piena tistennieh idoqq u ma jdoqqx. Qabżet żewġ kotba li poġġiet ma’ l-art u għaġġlet biex twieġbu qabel mal-persuna tan-naħa l-oħra taqta’ qalbha, tonfoħ tnejn u taqta’. Qabdet ir-riċevitur b’ħeffa u rranġat l-gerżuma biex tkun tista’ titkellem sew.
“Hello!” qalet b’nifisha ħarira maqtugħ.
“Hemmhekk Joanne?”
L-intunazzjoni li ġiet mitkellma l-kelma “Joanne” issuġġerielha li dan jixtieq jingħaqad mal-lista twila ta’ klijenti li għandha. Ferħet nofs ferħa. Filwaqt li ippreparat biex twieġbu, ippreparat ukoll l-aġenda s-sewda biex tara fejn se ddaħħlu.
“Iva jien hi… għandek bżonn xi ħaġa?” Lagħbitha tal-belha.
“Meta se niltaqgħu?”
“Int tajjeb għalik il-ġimgħa, fil-ħdax ta’ bil-lejl, quddiem il-funtana l-antika?”
“Iva tajjeb. Kemm tieħu?”
“Ħamsin lira, lejl kollu.”
“Orrajt. Niżżel ‘is-Sur Galdo’, jien hekk isibuni l-ħbieb. Niltaqgħu u pprova żommu l-ħin.”
Joanne kienet se tikkonfermalu meta semgħet il-ħoss deludenti ta’ xi ħadd li qata’ l-linja. Stramb! Ta’ ftit kliem… imma ma’ komplietx taħseb fuqu għax għamlitha ċara qabel ma’ daħlet f’dik id-dar li l-ħsibijiet tax-xogħol tħallihom mill-bieb-il barra u kompliet fuq xogħolha. X’ħin deherilha illi lestiet u rranġat darha aħjar minn qabel waqfet mix-xogħol u strieħet ftit fuq is-sufan. Imbagħad bdiet taħseb kif se tqatta’ l-ġurnata. Kienet għadha ma ddeċidietx, qabdet il-handbag u ħarġet-il barra mingħajr ma kellha ħjiel ta’ fejn sejra.
Ħarġet iddur fit-triqat dritti u nobbli tal-belt. Ittawwlet lejn il-vetrini mimlijin manikini…kellhom ilbies aħjar minn tagħha. Il-bard kien qiegħed jgħannaq fi ħdanu lil kulħadd. Joanne tkebbet kemm setgħet. Kulħadd kien għaddej għall-affari tiegħu, ma kontx issib nies qaqoċċa jitkellmu jew oħrajn jitbissmu tbissim mistħi lejn xulxin, xejn, ħlief gdiedem sal-art u għaġġla sfrenata. Joanne dak li riedet; ħadd ma jsellmilha, ħadd ma jidħkilha, kulħadd iħalliha bi kwietha.
Waqt li kienet qed tipprova iżżomm ir-ritmu tal-passi tagħha ma’ l-istil taċ-ċangaturi li kien hemm mwaħħlin mal-art, imnifsejha twessgħu u laqgħu fwieħa tfuħ ta’ kafè maqtugħ frisk minn taħt ix-xemx sħuna Kolumbjana jinħema. Daħlet fil-kafeterija żgħira biex tgawdi ftit minn dik is-sħana artifiċjali li kien hemm hemm ġew. Poġġiet fuq mejda li quddiemha kien hemm tieqa kbira tagħti għat-triq. Qagħdet bilqiegħda u ordnat mill-ewwel. Skantat mhux ftit meta ftit sekondi wara wasal dak li ordnat.
Kompliet taħseb fuq mitt ħaġa filwaqt li tosserva kull wiċċ ġdid li jkun għaddej minn quddiem il-ħanut. Min jaf x’kien hemm moħbi f’kull wiċċ? X’għandhom f’moħħhom u f’qalbhom dawk in-nies li ta’ kuljum joqgħodu b’erba’ mitt għajn li ma tmurx taqbżilhom xi kelma dwarhom infushom? X’hemm wara wiċċ imqarras? X’hemm wara wiċċ daħkan? X’hemm wara bewsa?
Imma issa ddejqet taħseb u ħarset lejn it-televixin imwaħħal fir-rokna, -il fuq minn kulħadd. Dak il-ħin kienu qed jixxandru l-aħbarijiet meta, b’diffikultà, Joanne irnexxielha tisma’ x’kien qed jgħid ix-xandar. Kienu għadhom kif sabu raġel mejjet fi ġnien ta’ dar abbandunata. Għadhom ma jafux ismu, jidher li la kellu familja u lanqas ħbieb. Il-pulizijia ma jeskludux li seta’ kien każ ta' suwiċidju. Imma kien għadu kollox inċert. Joanne tħassret lill-mejjet għal ftit imma xi ħaġa interrompititilha dal-ħsieb. Minn taħt il-għajn rat s-saqajn tas-siġġu ta’ ħdejha jiżżerżqu ma’ l-art. Ħallietu jiżżerżaq, ħasbet li xi ħadd kellu bżonnu aktar minnha. Veru xi ħadd riedu imma riedu biex joqgħod ħdejha. Dawwret ħarsitha u rat li kien hemm raġel twil, ftit imkemmex. Għajnejn suwed faħma penetranti bħal ta’ żagħżugħ Tork. Baqgħet tħares lejh tistennieh jitkellem. Poġġa bilqiegħda ħdejha sieket u ħarsilha ħarsa serja donnu se jħabbrilha aħbar ta' mewt.
Tkellem: “Miskin” u niżżel ħarstu ‘l isfel mingħajr ma baxxa rasu. Joanne baqgħet tħares mingħajr ma tafx x’se tgħid. Imma ma laħqetx ħasbet malajr għax laħaq reġa’ tkellem hu :
“Min jaf x’kienu l-aħħar ħsibijiet tiegħu qabel ma miet!”
Joanne baqgħet ma tkellmitx tipprova issib x’tgħid biex ma tibqax imbarazzata kif kienet. Baqgħet tħares lejh... u għal darb’oħra reġa’ tkellem hu:
“Jien dejjem inkun f’dan il-ħanut żgħir f’dawn il-ħinijiet. Hawnhekk vera narah qisu l-mekka taċ-ċivilizazzjonijiet, dejjem tara nies ġodda ta' kull lewn kollha għall-affari tagħhom, ħadd ma jkellem lil ħadd. Nħobbha wisq l-privatezza... forsi vizzju naf, imma min twieled tond ma jmutx kwadru.”
Għal mument ħassitu jaqralha qalbha. Kompliet miegħu:
“Għandek raġun. Minħabba dik ir-raġuni jien kelli nitlaq minn raħal twelidi u ġejt ngħix hawnhekk. Inti ilek toqgħod hawn? ”
“Le m’ilnix wisq imma xtaqt li ilni. Isma’ fuq kollox inti x’jismek? ”
“Jien Joanne”
“Jien Alfred, għandi pjaċir. X’tagħmel sabiħ fil-ħajja?” Din kienet waħda mill-mistoqsijiet li Joanne dejjem xtaqet taħrab.
“Bħalissa ninsab bla xogħol… qabel tlift il-ġobb li kelli kont ilħaqt warrabt xi ftit flus biex ngħix xi xhur komda bla xogħol”
“Ara x’kumbinazzjoni, bħalissa għandi bżonn segretarja fl-uffiċju. Ma tantx għandha bżonn kwalifiki ħlief xi żewġ ‘O’ Levels. Int għandek xi ħaġa?”
“Kwalifiki ma tantx għandi imma għandi l-‘O’ Level tal-Malti, l-Ingliż u l-Matematika. Dawk biss kont studjajt. ”
“Għandek l-aqwa kwalifiki. Għandek xi esperjenza f’xi xogħol ieħor?“
Reġgħet ħasbitha. “Kont naħdem f’fabbrika, imma għal ftit xhur biss” wieġbet xotta xotta biex mill-ewwel tinfurmah li ma tantx tinqala’ għal dan it-tip ta’ xogħol. Imma hu ma tax kas ta’ dan u qal:
“O.K. mela nagħtik l-esperjenza jien. Tista’ tibda minn nhar it-tnejn fit-tmienja. Din il-ġurnata se tkun biss biex nara kif se tmur. Taċċetta?”
“Naċċetta! Grazzi! Ilni ħafna nfittex xogħol. Għaldarb’oħra grazzi ħafna!”
Fl-aħħar kienet sabet xogħol! Għal mument bdiet taħseb fuq kemm hu orrajt u simpatku dan Alfred u nsiet għal kollox il-ħarifa li kelli taffronta kull lejl. Il-konversazzjoni malajr spiċċat u issa kompliet tikkonvinċi ruħha kemm għamlet tajjeb meta aċċettat il-proposta li għamlilha Alfred. Telqet id-dar ferħana se ttir għax għalkemm qatt m’ammettiet issa bdiet tammettiħ; ix-xogħol ta’ prostituta ma kienx xi xogħol li jirrendilha il-miljuni tal-liri. Ħasbet biex għall-mument tħallih naqra mwarrab u tibda taħseb fuq dan ix-xogħol il-ġdid. Mur għidilha lil ommha li sabet xogħol f’uffiċju pulit, imma baqgħet ċerta li anke għal dak ix-xogħol kienet se ssib ix-xagħaraha fl-għaġina. Iddeċiedet li din l-aħbar iżżommha għaliha.
2 Comments:
irrid iktar jien.. ma stajtx naqla ghajnejja minn mal-monitor!
23:05
Waiting for the next installment.
07:19
Post a Comment
<< Home