N-Ħ-O-B-B-O-K
Poeżija li ġiet ippublikata m'ilux fi ktieb imsejjaħ: "Sejjaħli B'Ismek", publikazzjoni ta' Publikazzjonijiet Kamaleontiċi, misluta mill-pinna ta' Dario Grixti. Dawn t'isfel huma r-raġunijiet il-għala din ir-ripublikazzjoni elettronika tiegħi:
- Għax naħseb li ħaqqu udjenza usa';
- Għax naħseb li għad nisimgħu dwaru aktar 'il quddiem (fil-pożittiv, ovvjament);
- Għax modest wisq;
- Għax iħobb.
----------
N
Kieku l-fjuri sbieħ daqsek
Il-fjuri kollha tal-kampanja jinsterqu,
Kieku x-xemx sabiħa daqsek
Kulħadd għama jiċċassa lejha,
Kieku l-baħar sabiħ daqsek
Kulħadd għereq fih ifittxek.
Ħ
Illejla x’ħin inkunu fid-dlam
U jien nibda ngħid iċ-ċuċati
Tagħtix kasi,
Ibqa’ iċċassa lejn is-saqaf
Jew agħlaq għajnejk
U ibda oħlom,
Għada filgħodu x’ħin tqum
Issibni għadni nħares lejk
Ngħid iċ-ċuċati …
O
Illejla issejjaħlix b’ismi aktar,
Kif inkunu għaddejjin bil-karozza
Mit-triq imħaffra bi dmugħi,
Iftaħli l-bieba u ‘mbuttani ‘l barra.
Tħarisx mill-mera biex tara mittx,
Ħallini hemmhekk mixħut fin-nofs
Ninħasel f’demmi waqt li nixraq f’nifsi,
Sakemm jisbaħ u nibda nistħi mix-xemx.
B
Għandi aptit naqtagħlek il-kordi kollha,
indawwarhomlok ma’ għonqok,
u wara li nġiegħlek tkantali dik l-għanja,
li tqabbadni n-ngħas meta tkantahieli,
… inġebbed il-kordi,
u nibda ndoqq fuqhom il-melodija ta’ għanja,
sakemm int torqod ukoll …
B
Sa dan it-tant ħa nibqa’ nisma’ l-pjanu,
Li flimkien mal-vjolin l-iswed,
Qegħdin jinsġu l-aħħar xibka tad-dmugħ,
Minn għajnejja morda bil-maltemp blu,
Dak li jfisser il-friegħi tax-xemx,
U jigref salvaġġ f’wiċċ it-tifla innoċenti,
Li int qtilt fuq il-qabar t’ommi ilbieraħ,
Wara li sirt naf li jien jisimni …
O
Mill-istatwa tal-Madonna l-ħamra
Li hemm fil-qabar ma’ kantuniera
Qed jikbru zkuk tal-ward
Mingħajr fjuri ikkuluriti
Imma b’ħafna xewk imdellkin demm
K
Qed tismagħha l-mużika
Li qiegħda tkanta Dora?
Qed tismagħha l-melodija
Li ħierġa mill-pjanu mherri?
Qed tismagħha l-għanja
Li qed jgħanni l-amorin?
Qed tismagħha l-għajta
Li qed inwerżaq waqt li mmut?
0 Comments:
Post a Comment
<< Home