Monday, March 27, 2006

Sanguineus

Id-demm u l-makabru minn dejjem kien jogħġobni. Meta kont għadni nitfa, ktieb bl-istejjer tal-orrur dejjem kien jattirani aktar minn ktieb ta' Robin Hood jew ta' Peter Pan. Saħansitra kont nara li ma nitlifx episodju wieħed mis-serje Tales from the Cryptkeeper sakemm imbagħad għal nofs is-snin disgħin faqqgħet it-trend tal-X-Files u kulħadd beda jara l-UFOs.



Naf ukoll b'fotografa li l-ispeċjalità tagħha hija propju fotografija makabra. Jisimha Jenni Tapanila u fil-website tagħha għandha kollezzjoni vasta ta' dawk l-affarijiet li qatt m'int se tara f'magazin ta' mara tad-dar. Xi kultant ċerti ideat ma nafx minn liema parti tal-univers iġġibhom.


Pero dal-faxxinu li għandi majna kemmxejn wara esperjenza li għaddejt minnha dal-weekend. Kull min kien Paceville il-ħadd filgħodu għal xis-1:00am seta' jassisti għal xena makabra ta' ġlieda barbara li ġrat preċiżament quddiem Al Pacino take away, magħruf aktar bħala 'Jimmy'. Persuna b'xagħarha mqaxxra u bi flokk taċ-ċingi abjad (ala American History X) bdiet issawwat persuna oħra li, jekk rajt sew, kienet ta' kulur iswed. Imġieba estremament annimaleska fejn il-persuna li bdiet issawwat dehret tixxuttja (litteralment) ras il-vittma filwaqt li l-vittma kienet wiċċha mal-art tipprova tevita d-daqqiet. Il-persuna ta' kulur iswed kienet miksija bid-demm, kompletament. Kulħadd deher ixxukkjat, ħadd ma ried jinvolvi ruħu. Jien ukoll nammetti ukoll li lanqas flaħt immexxi muskolu nara lil dak il-povru jiġi imbiċċer f'dik il-pjazza. Kont qed nistenna li minn xi mument għall-ieħor se jikkawżalu emorreġġija interna u jħallih hemm jgħum f'għadira demm. Wara li dak l-annimal xebgħa jtih ġo rasu, poġġa sieq minnhom fuq l-imsejken u qata' jdejh lejn kull min kien qiegħed iħares lejh. Fortunatament fl-aħħar tfaċċaw il-pulizija. Erba' minnhom marru jiġru wara l-barbaru u wieħed qagħad mal-vittma l-ieħor.

Għandna għalfejn ninkwetaw... ninkwetaw li l-moħħ flok ma jevolvi kultant jiddeċiedi li jagħmel ċajt ikrah.

2 Comments:

Blogger Victoria said...

Tales from the Cryptkeeper - anka jien ma kontx inkun irrid nitlef wiehed. vera tal-genn dak il-cartoon. X-Files ukoll kont iggenint warajh meta beda.

il-website taghha makabra sew istra. Jien qabel dawn l affarijiet kienu vera jogbuni. sahansitra suggett li kont (u nahseb ghadni) inhobb naqra fuqu huwa cannibalism.

Pero madnix niflah nara ritratti hekk. saru idejquni. tlift il fakulta li nara is sbuhija fil krudelta taghhom. m'hemmx taghmel.

nisperra li l-polizija qabduh wara

10:05

 
Blogger Coemgen said...

Naħseb li għal xi ftit taż-żmien, kulħadd kien jew għad irid jkollu ċerta ġibda lejn dawn l-affarijiet. Tkun bħal fażi li minnha tgħaddi.

Taċ-ċingi ta min kieku jingħata xi ftit milli ta hu stess. F'ċertu żmien tant mistmerr, dawn iċ-ċuċati kienu xi ħaġa rari. Illum saru xi ħaġa kważi komuni.

Is-soċjeta ittieħdet mill-granċ.

21:20

 

Post a Comment

<< Home