Wednesday, March 01, 2006

DUO part V

Ilbieraħ żort daqsxejn il-post tal-eżibizzjoni ħa nara jekk hemmx xi novità imma kollox jidher li għadu stabbli. Kull m'għad fadalla issa ħamest ijiem, sal-5 ta' Marzu. Naf li suppost sad-9 imma peresli xtaq jagħmel xi refurbishments fis-sular ta' fuq kellu jnaqqasielna b'erbat ijiem. Mhux għax f'dawk l-erbat ijiem konna se nsiru sinjuruni imma xorta qarrasna naqa' wiċċna... ħeqq paċenzja. Issa lanqas biss irrid naħseb f'nhar il-ħadd filgħaxija meta se nkun qiegħed inżarma kollox. Forsi iż-żarmar ta' eżibizzjoni hija waħda mill-aktar affarijiet melankoliċi li jeżistu... flimkien max-xjuħija, il-mewt u l-ħdud wara nofsinhar.

Bħalissa qiegħed nisma' lil Mogwai ukoll - grupp alternattiv bl-ikrah, mhu popolari xejn... u m'għandux għalfejn ikun. Waħda mid-diski tagħhom jisimha Stanley Kubrick. Ir-raġuni? Ma nafhiex imma naf li d-diska dejjem tfakkarni fil-film spettakolari ta' dan id-direttur, ċioè 2001: A Space Odyssey.

Naf li kien hemm drabi oħra meta semmetju dal-film, imma jkolli nammetti li jaffaxinani u jispirani immensament. Inġibed tmienja u tletin sena ilu u xorta għadu jqanqal mistoqsijiet, dubji u teoriji varji oħra. Naħseb il-kritiċi tal-films qabżitilhom jiddiskutuh u wisq naħseb li lanqas Kubrick stess ma kien kapaċi jagħti spjegazzjoni u joffri loġika lil dal-film.

Ikolli nammetti li għall-bidu lili m'għoġobni xejn xejn (xi ftit żmien ilu skoprejt li anke l-kbir Woody Allen ma kien daqqlu xejn), l-ewwelnett għax il-films tal-fantaxjenza mhumiex eżattament il-films ideali tiegħi u t-tieni għax rajtu mtawwal iżżejjed. Imma erġajt ippruvajt narah drabi oħra u xejn, ġibidni fil-belliegħa tiegħu. Hemmhekk tinduna x'inhu validu u ġenwin u x'mhuwiex.

Pero id-direttur Kubrick, kull meta niftakar fih, dejjem iwaqqani down. Ta' 17-il sena kien diġà mfittex bħala fotografu prim u kien jaħdem mal-magazin Look li hu magazin ta' ċerta kalibru (ta' 17-il sena qas camera ma kont għadni naf naqbad bejn idejja). Ta' 23 sena kien diġà faddal xebgħa flus u għamel l-ewwel film tiegħu ta sittax-il minuta li kien aktar jixbah lil dokumentarju milli lil film u kien jittratta fuq boxer eroj tiegħu. Telaq il-qasam tal-fotografija u ntefa' b'ruħu u ġismu fil-film-making. Sentejn wara, jiġifieri fl-1953, ġabar $13,000 u pproduċa l-ewwel film veru tiegħu; Fear and Desire. Min hemm il-quddiem huwa storja.

U jien? Almenu naf nibbloggja...

2 Comments:

Blogger Victoria said...

Forsi iż-żarmar ta' eżibizzjoni hija waħda mill-aktar affarijiet melankoliċi li jeżistu
Naqbel mieghek

Ikun hemm min hu furtunatt u issib triqtu facli. Pero taqtax qalbek ghax min hu persistenti jirnexxilu ukoll :)

14:05

 
Blogger Antoine Cassar said...

Hemm silta ta' Mogwai togħġobni ħafna, jisimha Friend of the Night... ilni ġimgħa nipprova nniżżilha imma kull meta jkun jifdal biss xi 50KB iż-żikk ta' l-Emule jgħidli li l-ewwel parti tal-fajl korrotta!!

15:18

 

Post a Comment

<< Home