El sabor de Cuba
Kultant ir-radjos lokali jissorprenduk.
Ilbieraħ, għal xid-8.50pm, waqt li kont sejjer lura d-dar mix-xoghol, bdiet nieżla xita antipatka. Minn dik it-tip ta' xita rqiqa li qisha qatt ma tieqaf, fejn int u għaddej bil-karozza ma tkunx taf jekk hix nieżla xita jew jekk sempliċement ta quddiemek qed jimliek bit-titjir ta' ilma li qed itajjar bir-roti. Ovvjament, ma dix-xita fina kien hemm il-kesħa siberjana li jaf jagħmlu biss l-allat ta' Jannar. U dak il-ħin x'fettillu jdoqq id-DJ? Diski ameriko-latini li ġejjin minn pajjiżi fejn kellhom minn tal-anqas 20 grad aktar mit-temperatura tagħna. Għal mument immaġinajtni b'xi kappell tat-tibna, b'cocktail kull kulur, b'xi mara samra tinbaram fuq ir-ramel - u għal naqa ma blajtx il-bumper tal-karozza ta' quddiemi.
Apparti din, ġraw tlett affarijiet 'simpatiċi' f'dal-weekend li għadda:
i) Kont qed niġri fix-xita (erġajt) f'nofs tas-Sliema biex nipprova ma nsirx qisni fellus... u x'insib mitluqa mal-art bħallikieku kienet qed tistenna lili eżatt kif ħriġt minn bar wara boqqa inbid? Umbrella mitluqa mal-art...nofsha mkissra imma xorta użajtha;
ii) Waqt li sieħbi kien qed jipparkja, kien se jtajjar il-park attendant. L-istramba mhux dik, imma li dan ma niżżilx l'Alla bid-dagħa, anzi, qas waħda mġiddma ma żarrat;
iii) Forsi dan l-aħħar l-films qed jieħdu xejra anqas hollywoodjana u anqas ovvji, imma din kienet gravi. Fl-ewwel nofs siegħa tal-film Constant Gardener id-direttur iddeċieda li jipprova kemm jista' jkun ma jżommx il-kamera stabbli. Dan ovvjament sar bi skop, l-ewwelnett jagħti bixra aktar artistika liċ-ċinematografija u t-tieni biex jittrażmetti sens ta' konfużjoni lil dawk li jarawh. Mela tlett seats bogħod minni jkun hemm tfajla u b'dik il-vuċi antipatka tlissen xi ħaġa hekk: "Xi żball għandu dal-film b'dik il-kamera titriegħed... jew forsi qegħdin iċaqalqu l-projector mis-sala t'hemm fuq?"
1 Comments:
hehe @ projector jiċċaqlaq!
21:47
Post a Comment
<< Home