Tuesday, January 03, 2006

Kilin

Jumejn ilu (ċioe fl-1 ta’ Jannar tal-2006) ġara inċident li jiġrili spiss f’ristoranti maltin ta’ klassi daqsxejn baxxa. Kont qiegħed ma’ sħabi nikkuntemplaw fuq xi erba’ pizez u biċċa lażanja tbaqbaq meta ddeċiedejna li nieħdu daqsxejn ta’ xarba li tgħinek tniżżel l-ikel goff. Kważi kulħadd mar għal ovvju; jew kapuċċin jew ċikkulata sħuna. Ma kellix aptit densità fix-xarba u ntfajt għal xi ħaġa rjali – ordnajt tè sħun b’felli lumija. Għaddiet xi kwarta u dal-wejter narah ġej, ħa jaqa’ u ma jaqax, b’tè kiesaħ… minn dawk tal-landa! L-idea ta xi ħaġa tajba u sħuna farrakhieli dan l-imbranat – fakkarni f’dik il-kesħa minflok, dik il-perfida. Insomma, m’aċċejtajtux u tlabtu jġibli dak li ridt jien u hekk sar.

Waqt li l-oħrajn bdew ixarrbu xufftejhom ta fuq biċ-ċikkulata mdewba, jien bdejt inħoss il-lumija imermra kull darba taħbat mad-daqsxejn ta’ leħja ‘l għandi. Kelma bdiet iġġib lill-oħra u b’xi mod il-kliem waqa’ fuq Kilin u l-immaġinazzjoni fertili ta’ dal-bniedem. Inzerta kien hemm wieħed fostna li għandu xi seba’ kotba tiegħu u f’ħakka t’għajn iddeċiedejna li mmorru nżuruh fil-bejta tiegħu. Tal-mistħija din, imma jien kull ma qrajt tiegħu kien ktieb wieħed, u għax ta’ bilfors. U lanqas m’għandi ppjanat li naqra xi ħaġa tiegħu; bħalissa mehdi wisq fuq l-Ibleh u Il-Gaġġa – daqsxejn psikadelija ma għamlet deni lil ħadd.

Stramba li t-tieni ħarġa tiegħek tas-sena tkun ma xiħ ta 75 sena, imma insomma, xi ħaġa mhux tas-soltu, wara kollox mhux dak hu li kulħadd ifittex? i.e. li ma jkunx ordinarju?

Ftehemna ħin u ilbieraħ xil-ħdax ta' filgħodu qadt nistenna lil sieħbi jiġi jfehemni fejn. Wasal fil-ħin u dħalna. Mal-ewwel sibnieħ kieku. Laqagħna bid-daħka tiegħu tas-soltu u bħal donnu mill-ewwel induna għalxiex konna ġejna... pero kienet ħasra li dan Kilin deher estremament imħabbat. Deher qisu miġnun, kien qisu qed jarana dimonji! Tefagħna f’biċċa fetħa (mank f’kamartu!) u inġbarna qaqoċċa quddiemu naraw nakkwistawx xi biċċa għerf imma ħlief kemm ikkritikawlu Tinsiex, Publivs, Tinsiex!, kemm hu sabiħ ir-Rabat ta’ Malta u kemm raħal twelidi hu bla storja ma smajniex. Ma neżagerax jekk ngħid li ma domniex aktar minn għaxar minuti… naħseb kieku morna nkellmu lill-President konna ndumu aktar avolja nismagħhom jgħidu li dak dejjem b’aġenda mbullata; daqqa jaqta’ żigarella ‘l hawn u daqqa jiġbed biċċa ħabel ‘l hemm. Keċċiena bil-pulit ‘għax kien ġej iżuru t-tabib’ u bqajna b’xiber imnieħer.

Dejjem nismagħhom jgħidu li x-xjuħ (le, ma rridx nuża l-kelma ‘anzjani’, bħallikieku jekk tgħajjat lil xi ħadd ‘anzjan/a’ flok ‘xiħ/a’ se tnaqqaslu/tnaqqsilha xi nofs tużżana tikmix, apparti li mhix kelma semitika) jittalbu biex darba kultant jiġi jżurhom xi ħadd u jgħidu kelmtejn magħhom – dan deher l-oppost. Jew forsi għax VIP?

U hekkhu din kienet l-ewwel delużjoni tas-sena… naraw x’hemm aktar lest għalija f’dawn it-363 ġurnata li baqa’.

3 Comments:

Blogger Erezija said...

forsi kemm ma kellux aptitkom... xejn ta' barra minn hawn

17:23

 
Blogger keBo said...

Il-ftit li kellimna deher inkwetat ghal kemm kissruwulu l-kritici lil Publius - jien ma nafx, ma qrajtux ghadni.

20:35

 
Blogger Unknown said...

Kilin ghalaq 89 din is-sena. Nahseb il-fatt li hsibtu ta' 75 jiehdu bhala kumpliment. LOL! Ta' dik l-eta` huwa normali li jkun inkwetat jekk ikun gej jarah tabib.

17:55

 

Post a Comment

<< Home