Wednesday, January 25, 2006

Il-ħolma tal-ġurdien

Forsi jekk tista’ tikteb fuq kollox, żgur ma tistax tikteb ktieb fuq il-ħolm li seta’ kellek. Filwaqt li fihom x’taqra, għax ikunu mżejna b’fantażija liema bħalha, ġeneralment ma jkunux jagħmlu sens la għall-qarrej u lanqas għal dak li joħlomhom.

Dan l-aħħar kelli waħda minn dal-ħolm u se mmur kontra dak li għadni kif għidt; se nirrakkuntaha. Rarissimu niftakar ħolma imma din niftakarha ċara u tonda.

Inzertajt għandi ħabiba li din ta’ madwar 19-il sena qabżitilha d-dar u marret tgħix għal rasha. Ta dik l-età sorprendenti ferm li tfajla maltija tingħalaq bejn erbgħa ħitan meta tqis li l-maġġoranza taż-żgħażagħ maltin bilkemm jaf jaqlu bajda jew iferrgħu kuċċarun minestra. Issa ilha madwar erba’ snin tgħix hekk u ħdejha inħossni żarmuġ peresli bħal qisha mmaturat f’daqqa.

Dil-ħolma kienet dwarha bażikament. Niftakarni noħlom fejn jien u hi konna qegħdin f’xi bar lejn Malta ċentrali u f’xi ħin, għal xi raġuni jew oħra qaltli: “Isma K., tridx torqod għandi illejla? Fiha hassle biex toqgħod tmur id-dar tiegħek…” Jekk qed taħsbu li f’dik is-sekonda minn moħħi għadda xebgħa sess sfrenat, għandkom żball – anzi, stramba kemm hi stramba, dak il-ħin is-sess kienet l-aħħar li għaddietli minn moħħi tant li kull m’għidtilha dak il-ħin kien: “Orrajt”.

F’sekonda sibt ruħi fl-appartament tagħha. Appartment kemmxejn spazjuż… insejt x’kulur kienu miżbugħin il-ħitan… għandikun fil-ħolm qas biss kulur ma tara. Karatteristika li niftakar żgur hi li l-kmamar kellhom soqfa għoljin stil ingliż u bix-xorok.

F’sekonda oħra sibt ruħi b’qalziet ta’ taħt abjad biss (jidhirli għidtilkom diġà hux li s-sess ma daħal xejn f’dil-biċċa?) mimdud maġenbha. Irqadt mill-ewwel u fil-fond (stramba eh li toħlom li qed torqod… paradoss galore).

Wara ftit qomt (fil-ħolma stess) u dort fuq ġenb biex nara hi għadhiex hemm. Tawwalt idejja wkoll imma xejn. Lużar u mħadda b’koċċ tinjiet kull ma kien hemm, u qisu d-dawl li beda jdawwal il-kamra kien kemmxejn musfar. Għorokt għajnejja sakemm il-pupilla ġiet f’postha u f’dak il-waqt, jiġri tul il-ħajt bla heda, rajt ġurdien kannella ftit akbar minn hamster. Il-ġrieden qatt ma bżajt minnhom… imma dak il-ħin kessaħni. Niftakarni bdejt ninkwieta u bdejt naħseb jekk setax għadda minn fuqi waqt li kont rieqed… jew min jaf jekk qagħadx jilgħabli ma xagħari peresli forsi ħasbu xi tip ta’ tiben.

Qomt maħsud minn fuq is-sodda u bdejt miexi lejn il-bieb filwaqt li nsejjaħ lil din ħabibti. Kif noħrog insib taraġ b’puġġaman tal-ħadid u mara ta’ madwar ħamsin sena iżżomm lampa taż-żejt f’idejha, liebsa nightgown bajda kemmxejn imdennsa. Qisha bħal ħassitni u daret minnufih. Kellha xagharha goff u mberfel u għajnejha kienu fil-ħofra. Fl-id l-oħra indunajt li kienet qed iżżomm minn denbu lil dak il-ġurdien li kont għadni kif rajt jiġri fil-kamra. Għamlet wiċċ ta’ waħda inkazzata bl-ikrah u qaltli: “Jekk terġa tgħajtilha lil dik, dal-ġurdien intammaħulek!!”

Daqqli l-alarm u qomt! Issa, jekk hawn xi zingara li tista tirrikorri għal ballun tal-ħġieġ tagħha biex tipprova tispjegali nitfa minn dan t’hemm fuq, tkun qiegħda tagħmilli pjaċir.

4 Comments:

Blogger Kenneth said...

Ibgħat SMS lil Renald (jew x'jismu) fil-għodu fuq il-Capital, ħa jispjegalek il-ħolma minn xi ktieb. (Il-mod brillanti Malti ta' kif timla' programm flok iġġagħal lin-nies jixtru l-ktieb)

13:28

 
Blogger Coemgen said...

Leeeeeeeeeeeeeeeeeeeeeee!!
Kont qed nistenna lil xi hadd johrog b'dik il-proposta. Kemm ma nhobbx!

17:03

 
Blogger keBo said...

Dan Renald tal-Capital qed jissemma wisq, daqshekk tajjeb?

18:18

 
Blogger Kenneth said...

Trid tifhem s-sarkażmu sottili biex ngħidlek li, fi kliem mhux daqstant diċenti, hu taż-żobb.

Ili ma nisma' r-radju żmien imma l-aħħar darba nzertajtu fil-karozza ta' ħija.

22:01

 

Post a Comment

<< Home