Friday, March 03, 2006

L-Arluġġar

Għandi arloġġ li issa għalaq madwar sentejn jew tlieta mqabbad mal-polz b'xi girfa minuskola 'l hemm u 'l hawn. Kien hemm wisq memorji marbutin miegħu, sbieħ u koroh imma bħal donnu moħħna (jew moħħi biex ma nitkellimx għal ħaddieħor) aktar jiftakar ċar kristall dawk il-koroh. Lili kien jogħġobni imma ġaladarba ridt ninsa l-passat kelli nara x'nagħmel u ma nibqax nilbsu. Warrabtu f'xi kexxun għat-trab u d-dlam u ħallejtu jtektek dik is-sekundiera fil-baħħ t'hemm ġew. F'qalbi għidtlu: "Issa taf x'jiġifieri tkun waħdek eh?"

Għadda ż-żmien u qabżitli kull darba rrid noqgħod niftaħ il-mobajl biex nara x'ħin sar. Iddeċiedejt li nixtri ieħor. Irħejtilha lejn il-belt kapitali u qadt indur naqa. Tiskanta kif meta tkun bit-tir li tixtri tibda tfittex ir-reviews fuq it-tali arloġġ u qisek għal dak il-waqt issir espert.

Wara xi sagħatejn indur għoġobni wieħed partikolari li kien qiegħed għand ħanut ta' ċerta klassi. Flejtu sew minn wara l-vetrina u ttawwalt biex naralu l-prezz - Lm30. Irħis ferm meta tqis il-marka... Tlabt lill-bejjiegħ jiġi jurijuli aktar mill-viċin u lbistu. Wara li għamel xi għaxar minuti jħambaq fuq it-teknoloġija Svizzera ta' dan l-arloġġ fettilli nistaqsih prezzu għall-ġurament:

Jien: "U dan kemm qiegħed?"
Hu: "Six hundred thirty, sir"

Immissjajt is-six ta' qabel, inxift u bħal donnu induna avolja ppruvajt naħbi:

Hu: "But I guess we can make it five hundred seventy..."

Qas li kont Mr. Dubai... rajt kif għamilt u lebbitt il-barra f'radda ta' salib. Mort għand ieħor aktar tal-'fqar'. Il-bejjiegħ kien raġel kemmxejn xiħ, xagħaru minxuta lura pulita bajda qotna, bin-nuċċali u liebes pulit b'ingravata u qmis ikkuluriti. Nissopponi li kien arluġġier minħabba l-mod professjonali kif beda jdaħħal u joħroġ dik il-lenti s-sewda li jkollhom l-arluġġiera. Kellimni b'ġentilezza liema bħalha, qisni kont xi Ministru, stħajjiltu n-nannu li qatt ma kelli.

Waqt li kont qed indur fil-ħanut tiegħu tidħol mara li minn kif bdiet tagħmel dehret li kellha ċerta kunfidenza. Bdiet tgerger għax kellu banketta u kienet ppustjatha ikrah, għax kellu l-vetrina miftuħa u għax kellu l-ħmieġ. Assummejt li hija martu... jew oħtu l-aktar l-aktar. Povru bniedem.

Għażilt dak li ridt u wara li ppruvajtu ntfajt mal-counter biex inħallsu. Sadanittant is-sinjura għebet f'xi kamra fuq wara... u l-arluġġar beda jippreparali l-garanzija u jgeżwiruli f'karta ħadra skura. Kien qed jagħmel kollox b'ċerta kalma u dedikazzjoni. Bqajt ninnutah bir-reqqa... Dan kollu inkiser mal-miġa tas-sinjura. Rajtha ħierġa mill-kamra mnejn daħlet b'tazza kafè f'idha u wara xi ħames sekondi tħares lejh, ħarset lejja u staqsietni:

"Int dan għalik?"

Mingħajr ma tatni ċans nirrispondi dahret fuqu u qaltlu:

"X'qed tirrepjahulu tagħmel la għalih?!"

L-arluġġar għolla ħarstu u ħares lejja b'dawk l-għajnejn tal-ħniena, bejn miksur u bejn ma jafx x'ħa jaqbad jagħmel. Hawnhekk tkellimt jien:

"Iva rigal dak... rigal għalija!"

Issummat u reġgħet daħlet mnejn ħarġet u l-arluġġar kompla jgeżwer.

4 Comments:

Blogger Antoine Cassar said...

Hekk aħjar, nofs il-bloggata biss kien hemm dal-għodu!

17:56

 
Blogger Sabine said...

nice little story, although it took me awhile to read ;) Funny how often the nicest people have someone in their life to make it sort of miserable... and if you had asked him, he wouldn't have uttered a single bad word about her!

18:56

 
Blogger keBo said...

Iva dalghodu kont qed nikteb u inqalali xi hsara fl-IE u propjament hsibt li ma gie jidher xejn. Jien l-ghaxqa tieghi noqghod nirrakkonta dawn il-grajjiet zghar.

Darba kien gie f'idejja ktieb jismu: "10 tips on how to write a novel". Niftakar car li wahda minnhom kienet xi haga hekk: If your everyday route to work, your encounters with your locals, your cultural habits, etc may seem boring and ordinary to yourself, to others they can work wonders.

U qabel ma tlaqt kienet fil-ponta ta' lsieni li nghaddilu kumment meta lebbet 'il gewwa imma gdimt ilsieni u m'ghidt xejn ghax dak li jkun ma tafx kif jehodha. Jaf jaduraha!

19:19

 
Blogger Kenneth said...

Għoġbitni ħafna din, għax l-istorja laqtitni fil-laħam il-ħaj u b'xi mod nista' nara lili nnifsi flok dak l-arluġġar xi drabi.

22:46

 

Post a Comment

<< Home