La Sicilia
Il-bloggata ta' Pierre fakkritni fil-mawra li kelli jien Sqallija (apparti f'Mina) lejn nofs is-snin disgħin. Se nipprova nirrakkonta ftit tentufiet minn dak li niftakar.
Ziti (propjament kuġina t'ommi imma tant hi close mal-familja tagħna li drajt insejħilha 'zija') kellha vizzju skumnikat. Kull nhar ta' Sibt filgħodu kienet tiġi għandna xit-tmienja ta' filgħodu u, quddiem tazza tè sħuna, toqgħod tparla m'ommi u jitkellmu fuq kollox u fuq kulħadd (ħlief fuq l-affarijiet li kont inħobb jien). Il-problema hi, li bħal kull Malti tipiku, kien ikollom il-volum ta' leħinhom kemmxejn għoli tant li kienu jqajjmuni min-nagħsa ħelwa li nkun għaddej biha dak il-ħin wara ġimgħa sħiħa nqum fis-sitta u nofs ta' filgħodu. Nervi kbar. Imma dakinhar ma kellix nervi. Kienet ġiet tħabbrilna li rranġat kollox għal safra ta' ġimagħtejn f'qiegħ Sqallija. Konna se nkunu ommi, ziti, t-tifla tagħha u jien - tifel ma' tlett nisa.
Avolja ma kontx naf eżatt x'inhuma, imma fraħt li forsi se nkun nista' nara xi boss mafioso b'xagħaru lura jibbrilla bil-ġelatina, wiċċu jleqq bil-kremi li juża filwaqt li jmexmex xi granita ffriżata tal-lumi.
Morna u wasalna. Niftakar li s-sandwich li kilt mill-ajruplan niżilli għasel. L-ewwel ma rajna kien l-Etna għax jidhirli inżilna fl-ajruport ta' Catania. Tlaqna mill-ewwel fejn kellna noqogħdu f'dawk il-ġimagħtejn u kif ftaħna t-twieqi mill-ewwel laqgħatna dik ir-riħa friska ta' ċaqquf frisk oranġjo li l-isqallin jużaw biex jiksu s-soqfa. Anke l-Etna, xorta baqgħet tidher.
Forsi fost l-affarijiet l-aktar li nibqa' niftakar kien it-tour leader li propjament ma kien tour leader xejn għax kienet tafu ziti l-oħra li kienet toqgħod Sqallija u qabbditu magħna biex idawwarna naqa f'dil-gżira tal-legumi. Kellu rasu żengulija u naħseb kellu madwar ħamsin sena. Wiċċu kien imkemmex sew u xagħaru bajda qotna kemmxejn innuklata. Kien dejjem ikollu nuċċali skur li qatt ma kien ineħħieħ min għajnejh. Seta' kien jagħmel parti minn xi waħda mill-fergħat li kellhom il-mafiosi fi ħdan Sqallija... min jaf! Dak iż-żmien kont nara wisq minn dat-tip ta' stejjer fuq it-TV u anke ġentlom iżavżav bejn spaghettata u oħra fi pjazza kont nistennieh minn ħin għall-ieħor li joħrog xi mitra u jġib lil xi ħadd minna għarbiel.
Niftakar ukoll l-Etna... u l-ħaġar li ġbart min hemmhekk u anke meta żort xi palazz f'Palermo u xi soqfa li kienu qishom tal-Musulmani. Niftakar ukoll id-dawrien ta' Taormina, it-tifrik tal-amfiteatri Griegi u r-remettar li ħareġ minni dakinhar. Dak iż-żmien l-istonku tiegħi qas kien jiflaħ għal aktar minn tlett kwarti karozza u la c-chewing gum u lanqas il-pilloli ma kienu jagħmlu effett. Morna wkoll Agrigento (ex Girgenti), dak li welled lil Luigi Pirandello. Rajt it-tempju ta' Concord u għal mument ħsibtni qed noħlom x'imkien lejn il-Greċja, imma aktar minn hekk, dan Agrigento fakkarni f'Malta meta l-ambjent tagħha kien għadu ma ġiex żverġnat.
Ma nistax niftakar aktar.
0 Comments:
Post a Comment
<< Home