Caballus
Kważi sena ilu kien hemm dak l-inċident makabru fejn żiemel sfratta ħdejn Bieb il-Bombi, Furjana u spiċċa mejjet f'għadira demm fuq it-tarmak. Niftakar kienet ixxukjatni dik l-aħbar. Ma kontx fuq il-post biex nara eżatt ix-xena imma l-istampi fuq l-internet ukoll kexkxuni. Ilbieraħ, jien u dieħel lura x-xogħol mill-brejk nara inċident simili li fakkarni f'dak l-episodju. Rajt żiemel kannella skur kważi iswed bil-kuċċier u t-tifel tiegħu mħawdin ma jafux x'se jaqbdu jagħmlu. Fuq il-bankina kien hemm ukoll mara b'idejha ma' ħalqha... qisha qed tħossha ħatja ta' dak kollu li ġara. Ma stajtx nifhem eżatt x'ġara... ma rajtx karozzi mkissrin jew maqlubin. Li naf żgur hu li nġemgħa ħafna traffiku, mhux għax it-triq ingħalqet imma għax dak li jkun beda jnaqqas il-veloċità biex jara kif u x'fatta, tipika kurżità Mediterranja (inkluż jien, għax waqaft ukoll).
Ikolli ngħid dak iż-żiemel ħallieni naqa' perpless il-wara nofsinhar kollu. Stħajjiltu Sansun meta qatawlu xagħaru, jew iljun bla snien, pjanista bla swaba, eżorċista bla fidi.
Anke l-muskoli ta' saqajh donnu ma baqgħux jidhru. Kreatura tarmi s-saħħa spiċċat fix-xejn... xejn.
3 Comments:
Rajt dak li hemm fl-istampa? Le hux?!
04:41
Allahares! Sitbha x'imkien dik l-istampa, u dik milli jidher xi opra ta' xi kaccaturi fanatici. Pero zgur mhumiex Maltin, dawk lanqas bil-Malti ma jafu jiktbu ahseb u ara bl-Ingliz.
11:50
Tiggeneralizzax!
13:54
Post a Comment
<< Home