Tuesday, May 23, 2006

Roxanne (i)

Kultant tiskanta x'kapaċi ssib f'hard disk qadima li bilkemm tesa 1GB. Dan l-aħħar sibt dil-istorja żgħira li kont ktibt lejn il-bidu tas-sena 2001 meta kont għaddej minn fażi fejn anke kuċċarina maħmuġa mitluqa fuq is-sink kienet timmotivali l-immaġinazjoni biex nikteb rumanz. Din t'isfel hija ċensurata u mmodifikata daqsxejn għal raġunijiet ta' grammatika, etika u sintassi. Aktar min hekk dan t'isfel huwa biss terz tal-istorja oriġinali. Il-ġiex terzi l-oħra forsi nippublikahom fuq dal-blogg fil-jiem li ġejjin (jekk insib biżżejjed ħin!).

···

Remgħet il-filter tas-sigarett ma’ l-art taħt il-bankina u ħarset bla interess lejn is-siġra nofsha niexfa tiċċaqlaq u żżaqżaq ma' kull żiffa mqanżħa. Kienet qiegħda biss tipprova tiftakar jekk nesietx xi ħaġa warajha. Imma kull ma jmur dejjem kompliet tikkonvinċi ruħha li ma nsiet xejn. Insiet biss x'kien isem il-klijent li kelli tiltaqa' miegħu f'dak il-waqt. Dejjem hekk jiġrilha... kien grazzi għall-aġenda sewda li ġġorr dejjem magħha li ffriżat il-memorja fuq dak li jmissu jiġi jgħaddi siegħa jew tnejn magħha.

Kien is-sur Scerri. Min jaf jekk kienx xi xiħ li ħlief ibeżlaq ma jafx. Irranġat ftit id-dublett magħha għax kien issikkat ħafna u wara ħarġet mera żgħira biex ma jmurx ikun hemm xi rtokk mhux f'postu. Irranġat ftit il-lipstick li kien niżel ftit minn ma’ xufftejha b’biċċa tixxju. Baqgħet tistenna hemm fejn kienet tittama li kull dawl ta’ karozza jkun il-klijent tagħha. Kienet tiddejjaq ħafna tistenna, kienet tippreferi teħles ħalli tfittex tmur lejn id-dar. Issa li kienet ilha dawk is-sentejn li għosfrot minn dar twelidha kienet tħossha indipendenti daqs Malta f'nofs is-sebgħinijiet. Pero Malta wkoll kellha taqdef, kellha tissikka ċ-ċintorin... hi lanqas biss ċintorin ma kellha biex tixtri fl-ewwel xhur. Qabel, id-dar t’ommha ħlief qrid ma kienx hemm, zekzik il-ħin kollu u kemm ommha u kemm ħutha ċaħdu li tiġi minnhom. Imma mur għidilhom li fl-iskola kienet boqqa brodu u l-ftit li kienet taf ma tantx kien serviha - għaldaqstant flok m’għazlulha ġob huma, il-ġob spiċċat għażlitu hi. Xogħol antik daqs is-sengħa tat-tagħsir tal-għeneb li għalkemm ma kienx xi ġob li jisqiha ix-xampanja u jitmagħha l-kavjar, hi kienet kuntenta u hekk għallinqas kienet indipendenti. Marret f’dal-post apposta fejn ma jafha ħadd u tkun tista’ tagħmel li trid mingħajr ħadd ma jniffidha il-ħin kollu b’ħarsa li taf lil ommha f'bejta sriep.

Il-karozza għadha ma dehritx u kemm-il darba ħasbet biex titlaq ‘l hemm imma s'issa għadha qatt ma rat karta tal-għoxrin lira tikber fis-siġar. Baqgħet bil-paċenzja kollha tistenna lil dan il-‘proxxmu’.

Fl-aħħar bdiet tara karozza li bdiet tnaqqas is-saħħa u tersaq qajla lejha. Waqfet u rat lil xi ħadd imkebbeb bid-dellijiet jiġġebbed biex jiftaħ it-tieqa li tagħti għall-bankina. It-tieqa infetħet sa tlett kwarti u nstemgħet vuċi minn ġewwa li kienet tinstema’ xi ftit batuta:

“Inti Joanne?”

“Iva, u inti naħseb is-sur Scerri. Iftaħli għax qed niksaħ hawn barra.”

Il-klijent ma tkellimx u fetaħ il-bieba. Daħlet u dak il-ħin għajnejn is-sur Scerri ġrew tul saqajn Joanne li peresli riedet tpoġġi d-dublett diġà qasir kompla jonqos u jiżvela l-ġilda xemgħa ta' Joanne. Joanne ħasset għajnejh... kieku f'ċirkostanzi oħra kienet tħarislu tnejn bl-herra u ġġebbed u traqqa'. Ħallietu jħares ħalli meta jkun qed jitkellem ma’ sħabu l-qżieqeż l-oħra b’xi flixkun birra quddiemu jkun jista' jagħmlilha reklam tajjeb, u forsi ikollha l-aumento.

Il-ħin ta’ l-ammirazzjoni issa għadda għax is-sur Scerri kellu jibda jikkonċentra fuq il-magna li kien beda jsuq. Barra t-triq kellu wkoll f’moħħu kif kien beħsiebu jgħaddi l-lejla u xtaq li ma tgħaddi qatt. Ir-raġel beda jnaqqas u kien qisu beda jgħarrex ħa jara fejn se jipparkja. Waqaf u għamlilha sinjal b’rasu biex tinżel u għamlet kif qalilha, awtomatikament bdiet issegwih għax assumiet li kienu sejrin id-dar tiegħu.

Baqgħet issegwih sakemm waslu fuq il-bankina ta’ dar kbira u qadima. Ħareġ iċ-ċwievet b'ċerta kalma, donnu ried igawdi kemm jista’ l-ħoss taċ-ċekċik taċ-ċwievet u fetaħ. X’ħin fetaħ ħarġet riħa li daret ma Joanne bħal dak it-tip ta' kowt li jiġik eżatt meta tippruvah għand tal-ħanut u għal dik is-sekonda jiġik il-ħsieb li tibqa' ħiereġ bih. Kull meta tmur għand xi ħadd dejjem ixxomm riħa ġdida u differenti għal kollox mid-dar tiegħek. Bdiet tidraha bil-mod u kompliet kif għamlet qabel billi segwietu waqt li hu beda bil-mod tiela’ it-taraġ.

Din id-dar kienet ħafna aktar differenti minn tagħha. Ħasbet li s-sur Scerri jew is-sid tagħha kien sinjurun kbir għax kien hemm ħafna affarijiet ileqqu ippolixjati sew u kif suppost. Baqgħu deħlin fil-kamra tas-sodda. Dar mill-ewwel wiċċu lejha u ħasadha:

“Inża u ntefa’ fuq is-sodda l-kbira. Tantx iddum għax jien ma nħallasx biex noqgħod nistenna imma biex ingawdi. Għandek ċans erba’ minuti, kif nidħol irrid nsibek lesta għal dak li nħobb jien. Fhimt!” qallha bla ebda ħjiel ta' ġentilezza.

“OK” wieġbet Joanne mismuta u kważi miksura minn din ir-reazzjoni. Qatt ma stennietha reazzjoni imma għamlet kif qalilha, l-aqwa li ddaħħal xi ħaġa tal-flus. Hu ħareġ il-barra u stennietu jagħlaq ħa tibda tinża. L-ewwel ma neħħiet kien il-flokk li kien jikxfilha parti kbira minn sidirha. Neħħietu u stenniet li se ssib il-bra imma ma sabet xejn u ftakret li qabel ma jibda x-xogħol dejjem kienet tneħħih. Tgħaxxqet b’ġisimha u rringrazzjat lil min ipprovdijula għax tassew kellha biex tiftaħar. Imma malajr insiet ir-ringrazzjamenti u kompliet tinża tagħmel ħsejjes mill-anqas. Kienet lesta u ntefgħet mimduda fuq sodda li kienet tesa’ żewġ persuni mdaqqsin. Fuq is-sodda kien hemm lożor ċelesti, il-kulur għoġobha u ma dejjaqiex imiss magħha. Qagħdet f’posizzjoni mill-aktar provokanti u stennietu jidħol.

Wara ftit taqtigħat rat il-pum jibda jiċċaqlaq u wara ftit żaqżiqa rqiqa. I-bieb infetaħ u rat lis-sur Scerri dieħel wara l-bieb. Fuq wiċċu kellu tbissima xi ftit mitfija. Beda jiċċaqlaq bil-mod u Joanne kienet se tipprova tgħaġġlu imma le, la ħallas għandu dritt igawdiha kif irid hu. Baqa’ miexi bil-mod sakemm tkebbeb ħdejha fuq is-sodda. Trasset miegħu u missitu kemm kemm biex tibda tqanqallu l-emozzjonijiet l-aktar li kellu moħbijin. Hu deher qed iħoss xi ħaġa differenti. Neża l-aħħar qalziet li kien għad kellu u ġebbidha aktar lejh. Beda jbusha b’bews tal-klieb, bla ebda direzzjoni u mingħajr ebda ħjiel ta' passjoni senswali. Meta kien jasal fix-xifer ta' wiċċha kien jerġa' jitla’ ‘l fuq biex issa it-tnejn li huma kienu qed iħossu dak li ċ-ċelibati dejjem jittammaw li xi darba għad jagħmlu, jekk mhux f’din id-dinja għallinqas fid-dinja l-oħra.

Il-qamar ma kienx jidher u minfloku kien hemm sħab li trid tkun derrejt għajnejk fid-dlam biex tarah. Ir-riħ beda dejjem iżid...

···

Beda dieħel l-ewwel dawl mit-tieqa meta Joanne qamet mis-sodda b’damdim kbir f’rasha. Rat lis-sur Scerri għadu rieqed. Issa seta’ jistrieħ, issa li ħa dak li kellu jieħu. Qamet bil-mod minn fuq is-sodda u għarwiena kif kienet bdiet tfittex waħedha. Ħarset lejn is-siġġu li kien hemm quddiem il-mera u hemmhekk rat ġlekk, dak li s-sur Scerri uża biex ġie għaliha. Marret mill-ewwel fuqu u bdiet tfittex biex forsi ssib il-kartiera. Sabitha u ferħet. Fetħitha malajr u sabet li kull ma kien hemm kienet karta ta’ l-għaxar liri u biċċa karta b’xi numri li assumiet li kienu xi numri tat-telefon. Stenniet li kienet se ssib xi ħaġa aktar tal-flus, imma ma komplietx tgerger waħedha u ħatfet l-għaxar liri minnufih. Libset malajr u ddeċidiet li lil dan il-klijent tħallilu nota li kitbitha malajr fuq biċċa karta b’bajrow li sabet fuq il-gradenza xi ftit imgerrma minn fuq:

Jekk tkun tridni, taf fejn issibni. Saħħa.’

2 Comments:

Blogger Janice said...

Qed nistenna l-bicciet li jmiss sur Borg.. :)

11:21

 
Blogger keBo said...

Illum wara nofsinhar jew filgħaxija naħseb nitfa' xi ħaġa..

11:53

 

Post a Comment

<< Home