Thursday, July 27, 2006

Ta' Grezzju

Twelidt, għixt u tista' tgħid trabbejt fin-nofsinhar ta' Malta fost id-diversi klassijiet tal-ħaddiema. Qatt ma kellna pool, kont naħseb li l-jaguars jinsabu biss fis-savannah jew f'xi ktieb tal-annimali li kelli f'kaxxa kbira tal-kartun u l-kelma 'kavjar' qas kont naf nispelliha. Madanakollu qatt ma naf li rqadt fuq xi skoss kartun b'żaqqi tgerger bil-ġuħ, speċjalment fis-sajf.

Is-sajf kien jiġi esklussivament għall-abbundanza ta' ikel frisk, mimli togħma u tjubija (nippreferi kieku uzajt il-kelma 'bontà' , imma użajt kelma Maltija f'ġieħ dak il-monument li hemm fir-roundabout f'nofs Ħaż Żebbuġ). Tin ta' San Ġwann, dulliegħ, bettiegħ, ħawħ, ċipress u Għammieri sħiħ ta' ikel kien ikun qed jistrieħ fuq diversi reċipjenti impoġġijin puliti madwar il-mejda. Kont nagħmel l-ewwel ġimgħatejn ninfaqa' bihom u nispiċċa l-ikel propju ma niklux. Ommi tgerger u missieri jitpaxxa jara l-uliedu jnaqqru u jċafalsu fil-frott umdu li jkunu għadu kif qata' hu stess mis-siġar qalbenin jiddandu mas-sħanat infernali tax-xemx Mediterranja. Wara madwar xahar kont nibda nixba'... għax ngħiduwha kif inhi, fil-ġenerazzjoni tagħna hemm wisq tentazzjonijiet li jbiegħduk mill-ikel sustanzjuż u bnin bħal brokkoli, zunnarija, patata (minn tal-qoxra l-bajda), ħass u tadam.

Kien dak iż-żmien li kien hemm hype sħiħa fuq l-ġelati tal-Algida. Niftakar kważi kull 'mudell' ta' ġelat li vvintaw imma ma niftakarx li doqthom kollha. Il-ġelati tal-Algida kienu ilhom jeżistu, kien il-Malti li żammhom barra minn xtutu, "li ma jmorrux jieħdu xogħol il-Maltin". Dana bħalma kien ġara snin qabel meta ġew introdotti l-ewwel mudelli bażiċi ta' kompjuters. Kellhom togħma tajba, dal-ġelati - 'divina' kien hemm min kien isejħilha. Imbagħad ġejna bbumbardajti b'reklami varji fuq il-magnum, il-klassiku. Ma kontx iddur dawra mal-kosta u ma tarax minn tal-inqas ħamsa min-nies jilagħqu l-magnum sakemm iħallu l-injama ta' ġewwa nieqsa minn kull traċċa ta' biċċa ġelat.

Imma jien le.

Jien kont nintasab fuq iċ-ċint tal-konkos griż mingħajr dahar tal-bajja ta' San Tumas, ġildi ismar faħam, xagħari niexfa qoxqox, b'xorts qasir u żaqqi barra nuri l-kustilji, nixxennaq għal ġelat ta' Grezzju. Bejn qabża u oħra fil-baħar ilellex kont narah hemm, il-vann ta' Grezzju, kulur isfar dgħajjef b'ħafna pupi ta' Disney impinġijin fuqu. Kien hemm pluto jiekol kornett u yogi u l-mara tiegħu bl-umbrelel f'idhom (?). Maċ-ċinta ta' fuq kellu strixxa ħamra u f'xi mumenti kien jgħaddili ħsieb tad-daħk minn moħħi li l-vann seta' jittiekel, forsi kien togħma ta' ġelat tal-vanilla magħmul mil-ħalib tal-bott b'naqra cherry sauce mxerrda fuqu. Ma tantx kellu għażla, tat-tazza (miż-żgħira u l-kbira), kornett u granita ratba (ħamra jew safra). Ta' dan doqthom kollha u la l-Algida, la l-Motta u lanqas in-Nestle ma bdew miegħu. Dejjem kien ikun hemm persuni varji jaqdu n-nies, naħseb lil Grezzju propja qatt ma rajtu imma dejjem bnejt immaġni tiegħu f'moħħi. Xi raġel ismar, xagħaru bajda qotna, flokk taċ-ċingi abjad u xorts qasir. Il-ġelat kien iżommu mkessaħ ġo cupboards tal-injam bojod u qabel inewwillek il-ġelat dejjem kien isaqsi jekk tridx karawett jew sauce.

Meta kont ninsisti m'ommi u ma' missieri biex jixtruli minn ta' Grezzju biss, ommi kienet dejjem tidħak u tgħidli: "Ma tantx tneffaqni int!". Ħija min-naħa l-oħra kważi dejjem magnum kien ikun irid, u waqt li konna noqogħdu nilgħaquh biswit xulxin, b'nifisna maqtugħ wara xi majnata, kien joqgħod jidħak bija għax jien nieħu tac-cheap. "Dan ma jifhimx", kont ngħid f'qalbi.

U oħroġ l-għaġeb, għaxar snin u fuqhom wara, erġajt rajt lil vann isfar dgħajjef ta' Grezzju jitlajja max-xtajta tal-bajja ta' San Tumas, bl-istess togħma preċiża ta' ġelat, qisu dak il-cupboard maġiku ħallieħ hemm mingħajr qatt ma reġa' mlieh.

U f'qalbi qbilt ma dak li kien qal Voltaire xi tlett sekli ilu: "Ice cream is exquisite. What a pity it isn't illegal."

3 Comments:

Blogger Hsejjes said...

Jien il-Gelat tal-Mezzan joghgobni u xejn aktar! :) mmmm fakkartni li nrid inmur nixtri wiehed.....

11:23

 
Blogger Coemgen said...

Jien ħanżir, niekol kollox (minkejja li mhux veru li l-ħanżir jiekol kollox). Jkolli nammetti li tan-Nanna mhux mal-favoriti (għaliex l-ħalib tal-bott ma jdoqqlix wisq aqqas) pero hemm 'ta barra' li ma jgħoġbunix daqs ta Malta ukoll. U la qbadna l-argument, illejla mmur nitħanżer (bħal ħanżir:)).

17:42

 
Blogger keBo said...

Ma nafekx personalment, imma probabli nafek minn wiċċek la kont tkun daqshekk spiss hemmhekk. Kulħadd kien qisu familja waħda hemm, jħallat u jaqsam.

09:38

 

Post a Comment

<< Home