Wednesday, November 08, 2006

Klieb Slavaġ u Għarab

Konna qed nikkampjaw f'oażi li sibna. Sħabi kienu reqdin filwaqt li Għarbi twil u b'ilbies abjad għadda minn warajja. Wara li ra li l-iġmla li fuqhom konna qed nivvjaġġaw kienu miżmuma tajjeb, issa kien beda jaħseb biex jirtira huwa wkoll.

Intlaqt wiċċi 'l fuq fuq il-ħaxix. Xtaqt norqod, imma ma stajtx. Kienu qed jinstemgħu il-ħsejjes tal-klieb fil-bogħod - qomt minn mimdud u sserdaqt għal bilqiegħda. U dak li mingħalija kien qiegħed il-bogħod, kien hemmhekk, maġenbi. Ġejt imdawwar bi grupp klieb slavaġ, għajnejhom ileqqu bħal deheb maħmuġ, iġsma żnelli jiċċaqalqu b'ħeffa u b'mod koordinat, bħallikieku kienu qed jobdu l-frosta ta' sidhom.

Wieħed minnhom ġie minn warajja u deffes rasu taħt idi bħallikieku xtaq iħoss ftit mis-sħana tiegħi, dar quddiemi, ffissa ħarstu fuq għajnejja u beda jitkellem.

"Jien l-ixjeħ kelb li hawn f'dawn l-inħawi. Ninsab kuntent li nista' intik il-merħba personali tiegħi. Kont bdejt naqta' qalbi li għad xi darba niltaqa' miegħek għax ilna nistennewk għal numru sostanzjali ta' żmien. Emminni meta ngħidlek li ommi stenniet, omm ommha wkoll, saħansitra omm omm ommha u l-ommijiet kollha tal-ġenerazzjonijiet imgħoddija sal-omm ta' dawn il-klieb kollha!"

"Qed tissorprendini", għidtlu. Indunajt li nsejt nixgħel il-munzell injam li kien hemm biex bid-duħħan li jipproduċi jgerrex lil dawn il-bhejjem, "sorpriż ħafna b'dal-kliem. Jien ġejt min-naħiet ta' fuq b'kumbinazzjoni waqt mawra qasira li kont qed nagħmel. Xi trid il-kotra tagħkom?"

Din l-imġieba tiegħi amikevoli tiegħi bħal serħitilhom moħħhom u resqu aktar lejja fost ħafna infiħ ta' nifsijiet u kxif tas-snien.

"Nafu," beda x-xwejjaħ, "li ġej min-naħa ta' fuq. Int kont dak li kebbsilna t-tama. Fit-tramuntana l-affarijiet huma differenti minn kif inhuma hawnhekk fost l-Għarab. Dawn l-Għarab neqsin mis-sens komun ħabba l-arroganza bla tmiem li għandhom. Joqtlu l-annimali biex jiekluwhom u jitilqu l-iġsma bla ħajja kif ġie ġie."

"Tantx tgħajjat," tennejtlu. "Hawn xi Għarab reqdin fil-viċin."

"Tidher li ma tafhomx l-affarijiet t'hawnhekk," qalli l-kelb salvaġġ. "Kieku kont tkun taf li qatt fl-istorja tagħna ma kien hemm kelb li beża' minn Għarbi. U wara kollox, għalfejn għandna nibżgħu minnhom? Mhux diġà sfortuna li spiċċajna ngħammru magħhom?"

"Jista' ikun," għidtlu. "Ma nistax nitkellem fuq affarijiet li naf daqshekk ftit fuqhom. Jidher li dan il-konflitt ilu ħafna għaddej - sar parti minnkom u probabbli jmut magħkom."

"Fhimtni mill-ewwel" qalli l-kelb xwejjaħ, u bdew jieħdu nifsijiet aktar mgħaġġlin, bil-pulmuni telgħin u neżlin avolja ma kienu qed jagħmlu ebda moviment. Minn ħalqhom kienet ħierġa riħa qarsa - f'mument minnhom kelli nheżżeż snieni u ninjoraha. "Dak li għidt huwa minnu u jaqbel mal-kodiċi tagħna. Nissieltu għat-tixrid tad-demm biex finalment it-taqbida tintemm u aħna noħorġu rebbieħa."

"Imma huma kapaċi jiddefendu lilhom infushom" għidt jien. "Jisparawlkom u joqtlukom wieħed wieħed."

"Ma fhimtx" qalli, "karatteristika li baqgħet ma nbidlitx, lanqas fin-naħiet ta' fuq. Se nkunu aħna li se noqtluwhom. Ix-xmara Nil mhux se jkollha biżżejjed ilma biex taħslilna d-dmija tal-Għarab li se jkollna mċappsin magħna. Il-preżenza tagħhom biss timbuttana biex nitbiegħdu u mmorru nfittxu arja aktar nadifa, fid-deżert, infatti dik hi waħda mir-raġunijiet għala d-deżert huwa artna."

Il-klieb slavaġ intefgħu kollha madwarna - u sadanittant n-numru tagħhom kompla aktar jiżdied - niżżlu rashom bejn saqajhom ta' quddiem biex jimsħuwhom b'saqajhom stess. Qishom riedu jaħbu sens ta' antipatija li kien tant terribli, li jien kont nippreferi naħrab barra miċ-cirklu tagħhom.

"Allura x'beħsiebkom tagħmlu?" staqsejt. Xtaqt inqum bil-wieqfa, imma ma stajtx. Żewġ bhejjem kienu qed iżommuni 'l isfel minn warajja igerrmu u jqattgħuli l-ġakketta u l-qmis. Kelli nibqa' fejn kont. "Qegħdin iżommuk f'postok" qalli l-kelb x-xiħ b'ċertu ton ta serjetà, "sinjal ta' rispett". "Messhom iħalluni," għajjat jien, filwaqt li bdejt indawwar rasi mix-xiħ għalihom u viċe versa. "U żgur li jħalluk", qalli, "jekk huwa dak li inti trid. Pero dan se jieħu ftit tal-ħin għaliex hija abitudni tagħna li meta snienna jidħlu jtaqqbu fil-fond, ħalqhom iridu jiftħuh b'ċerta delikatezza biex int tinħeles. Sadanittant, isma' waħda t-talba tagħna." "Imġiebtek mhux qed timmotivani biżżejjed biex nismagħha," għidt jien. "Tikkastiganiex tal-guffaġni tagħna," qalli. Għall-ewwel darba biddel it-ton tal-vuċi tiegħu f'wieħed melankoliku biex jipprepara lil dak li jkun għal dak li jkun se jtenni. "Aħna m'aħniex annimali għonja - kull m'għandna huma snienna. Għal kull ħaġa li rridu nagħmlu, tajba jew ħażina, hemm snienna." "Allura xi trid?" staqsejt jien, b'moħħi ħarira aktar mistrieħ.

"Sinjur," għajjat ix-xiħ, u l-bqija tal-klieb bdew għanja kontinwa ta' krib bħallikieku melodija. "Sinjur, int se tkun dak li jtemm din it-taqbida li taqsam id-dinja fi tnejn. Int taqa' fid-deskrizzjoni li l-antenati tagħna kienu jagħtu meta kienu jitkellmu dwar il-magħżul li se jtemm il-ġlieda. Irridu nkun ħielsa mill-Għarab - b'arja friska, bl-ebda Għarbi ma jtellfilna il-vista tal-orizzont fil-bogħod, b'ebda karba ta' xi nagħġa li tkun għadha kif ġiet imġiżża mis-sikkina tal-Għarbi, u kull annimal għandu jtemm ħajtu fil-paċi u jitħalla waħdu biex aħna nkunu nistgħu nnaddfu il-bqija ta' laħmu madwar għadmu. Indafa - dak li rridu - xejn aktar minn indafa." il-klieb slavaġ infexxew fi xmara ta' dmugħ u ilfiq. "Kif jista' jkollok il-paċenzja biex tgħix ma' ġens bħal dak? Il-ħmieġ huwa l-kristall tagħhhom, il-ħmieġ jikber fuqhom, b'leħja kerha, iberrqu mil-ġnub t'għajnejhom jiddisgustawk; u jekk ifettlilhom jgħollu jdejjhom, joħroġ infern ta' rwejjaħ. U għalhekk, sinjur, għalhekk li bl-għajnuna ta' jdejk għandek tuża dan l-imqass biex tħanxrilhom għonqhom". Ċaqlaq rasu u kelb ieħor deher ġej b'imqass imsaddad imdendel ma' snienu.

"Dak l-imqass - wasal il-ħin biex tieqfu!" għajjat il-kap tal-Għarab, li ġie ħdejna minn warajna inkiss inkiss. Xejjer tnejn fl-arja il-frosta enormi li kellu.

Il-klieb tnaffru, pero baqgħu fil-viċinanzi fi gruppi, tant li kienu qishom gozz bhejjem b'ħafna fanali żgħar iduru magħhom.

"Mel'issa int ukoll, sinjur, esperjenzajt dal-ispettaklu li dawn il-bhejjem jogħġobhom jagħtu," qal l-Għarbi, filwaqt li daħak daħka riservata. "Taf l-annimal xi jridu," staqsejt jien. "U żgur, sinjur" qalli. "Xi ħaġa li jaf kulħadd dik - sakemm ikun għad hawn l-Għarab dak l-imqass se jibqa' idur magħna sal-aħħar taż-żminijiet. Kull Ewropew li jiġi jaħsbuh il-magħżul, kull Ewropew huwa kkwalifikat biex jagħmel dil-biċċa xogħol. Jittamaw fil-vojt. Idjoti, dak li huma. Għalhekk aħna kburin bihom. Dawn huma l-klieb tagħna, aħjar minn dawk li għandkom intom. Ara waħda din. Dal-lejl miet ġemel, ħa nġibu daqsxejn 'l hawn ħa tara x'ħa jiġri."

Erbgħa ġluf ġabu magħhom il-ġisem mejjet tal-ġemel u tefawh quddiemna. Bilkemm kien għadu intelaq mal-art li l-klieb slavaġ ma bdewx jgħajjtu. Kollha resqu 'l quddiem, b'għajnejhom ċassi fuq il-ġisem bla ħajja. Dlonk insewhom lill-Għarab u l-mibegħda kollha li għandhom lejhom. Il-preżenza ta' ġisem bla ħajja għamihom u bħal kważi ipnotizzahom. Wieħed minnhom kien diġà ħataf arterja fil-gerżuma tal-karkass. Imbagħad, b'ċerta apatija, b'ċerta nuqqas ta' tama, ipprova jġebbed il-ġisem bla ħajja aktar lejn in-naħa ta' fejn kienu il-bqija tal-klieb. Ma damux ma qabżu fuq xulxin, kollha kemm huma jippruvaw jieħdu l-aħjar biċċa.

Kien il-kap tal-Għarab li imbagħad faqqa' tnejn il-frosta li kellu fl-arja. Għollew rashom, nofshom entużjażmati bl-ikel, ħarsu lejn l-Għarbi ta' quddiemhom, ħassu l-frosta tmiss magħhom, toqros, qomsu u żammew id-distanza tagħhom. Imma ġisem il-ġemel kien hemm, b'għadajjar ta' demm ma kull naħa, imċarrat f'mitt elf biċċa, jinten. Il-klieb ma setgħux jirreżistuh. Reġgħu resqu lejh. L-Għarbi reġa' tħajjar jgħolli l-frosta. Did-darba żammejtlu idu. "Għandek raġun, sinjur," qalli. "Inħalluwhom fil-kwiet. Wara kollox sar il-ħin biex inżarmaw il-kamp. Bhejjem sbieħ hux? Imma jobgħoduna wisq!"

-----------

Din kienet traduzzjoni tiegħi ta' Jackals and Arabs ta' Franz Kafka. Kont qrajtha snin ilu, madwar nofs is-snin disgħin, wara li l-klabb tal-futbol tar-raħal fejn noqgħod jien kienu xtraw plejer Libjan. Kulħadd skanta bih u kulħadd kien jiddieħek b'ismu, qatt ma konna rajna bċejjeċ bħal dawn dak iż-żmien.

Issa l-istorja differenti, kompletament differenti.

0 Comments:

Post a Comment

<< Home