Wednesday, January 24, 2007

"Well, I really think you should quit smoking"

"Issa lħaqt wegħedtu!" qatgħet is-silenzju Martha.

"Kif?! Wegħedtu kif?!"

Berraq għajnejh bħal wieħed li għadu kif irċieva l-aħbar li għada se jmut. Nefaħ waħda bil-goff.

"Wegħedtu li mmur noqgħod il-flett tiegħu għal dat-tmiem il-ġimgħa"

"Mur tnejjek... xil-qaħba tkun int?" u bir-rabja xejjer tnejn idejh.

"Tindaħalx Tommie, u ieqaf eqred u gerger!"

Ma tkellem xejn. Qabbad sigarett u ma setax jaqbadlu sew. Ma kellux sabar iżomm il-fjamma għal aktar minn sekonda quddiem it-tiben niexef tas-sigarett. Meta rnexxielu tefa' addoċċ il-lighter fuq is-sodda u mmullat lura għal ma' l-art.

*****

Inqatgħet bozza, ħares lejn il-bozza mitfija sorpriż u ma tax kasha aktar. Tmattar fuq is-siġġu komdu li kellu u ntefa' jiċċassa minn taħt il-pizz tal-kappell abjad biż-żigarella sewda lejn il-mera li kellu quddiemu. Ra wiċċ li min jaf kemm nies xtaqu jaraw ta' kuljum tort ta' dawk ir-reklami b'xejn ta' wiċċu li kienu jagħmlulu l-magazins issa tista' tgħid kull ġimgħa. U ħsibijietu bdew jinfirxu ma' kull għanqbuta antika li kellu f'moħħu.

Kien jaf li kien stilla u kien jaf li jista' jieħu dak li jrid, jekk mhux bis-sewwa jieħdu bil-ħlewwa. Ftakar f'dawk in-nisa kollha li kellu u ħassu wisq l-antika li kien a one-woman man. Xtaq aktar, xtaq iduq aktar nisa - imma le. Ġietu ħarira dieqa wkoll meta ftakar fil-prinċipessa Di u fl-inċident tagħha, għax xi ħadd darba kien qallu li tiġi minnu mill-bogħod u hu emmnu. Emmnu, avolja parti minnu bdiet tgħidlu li ma seta' qatt ikun relatat ma' demm daqshekk nobbli. Dana fakkru fi tfulitu u ħaseb li li kieku għamel bħalma kien ħajjru missieru kieku bħalissa qiegħed joftoq jew iħit xi sider ta' bniedem, jew jipprova jfiehem lil omm li binha qiegħed fil-periklu tal-mewt, jew jagħti l-aħbar ta' kankru lil familja nies. Imma hu dejjem tħabbeb mal-palk, mal-kpiepel u ma' Casablanca.

Bniedem kemmxejn qsajjar, bin-nuċċali u xagħaru imdellka bil-ġelatina fetaħlu l-bieb tal-kamra addoċċ u ħasdu. Kien nesa jħabbat... bħas-soltu.

"Ħames minuti oħra u nibdew indawwru Sur Bogart"

Ma wieġbux lura. Qabbad sigarett minflok.

*****

Kellu l-istess riħa ma' kullimkien; xagħaru, ġildu, ħalqu, mnifsejh, widnejh, il-vini mqabbżin ta' m'għonqu, sidru, is-suf ta' ma' żogortu u dak pubiku, il-ġenitali, riġlejh u s-swaba' ta' ma' riġlejh. Imma l-agħar kienu subgħajh. Riħa ta' katarru u nikotina. Kollox. Iċ-chesterfield kienu għamlu kapital minnu u għadu jiftakar meta fl-aħħar tad-disgħinijiet kienu ħabbru f'konferenza stampa li kienu se jżarmaw. Diżgrazzja għalih! Minn dakinhar 'l hawn qatt ma rnexxielu jagħmel ħabib intimu bħalma kien jagħmel ma' kull darba li kien ibus sigarett taċ-chesterfield tul dawn l-aħħar erbgħin sena.

F'dar-renju ta' nikotina, riħa ta' mara qatt ma daħlet... mhux għax ma kinitx mixtieqa imma għax l-ebda riħa femminili ma' kienet titħajjar iżżur dan-naħat minsija. Forsi kienet tħossha aljena daqs kemm pittura ta' De Chirico tħossha ħdejn waħda ta' Vermeer.

Ħlief illejla.

Illejla l-bibien u l-ħitan apparentement qalbiena ġġarrfu biex jilqgħu dil-fwieħa ħelwa bit-trombi, il-palm u s-sardinelli. Qatt ma kien ħassu hekk qabel, ħassu jinbidel u ħassu tajjeb miegħu nnifsu. Kien kważi ċert li din tal-llum ma kinitx illużjoni.

Stieden lill-fwieħa tidħol ġewwa u timlielu l-pulmuni b'daqsxejn serħan, tiela' u nieżla mar-ritmu tal-mewġ. Ma setax jieqaf, beda jidħak, jitbissem u kultant jieħu nifsijiet f'xulxin. Ir-riħa ta' qabel ħassha toħroġ minnu f'forma ta' tilja fina ta' għaraq li bdiet titrabba ma' dahru u ma' moħħu. Baqa' sejjer sakemm tilef il-konjizzjoni tal-ħin, sakemm sema' l-għasafar igedwdu bejniethom li sebaħ, sakemm id-dalma tal-lejl bdiet tbatti.

Beda jnaqqas... in-nifsijiet bdew jonqsu u ma baqax jagħfas l-imħadda u s-saqqu bħalma kien qed jagħmel qabel. Reħa l-ponn u qagħad bil-qiegħda ħdejn il-lużar imtebbgħa. Fetaħ il-pakkett u kien se jkebbes wieħed, imma reġa għalqu kif kien fetħu.

Illum inbidel. Illum ma jpejjipx.

0 Comments:

Post a Comment

<< Home