Thursday, November 30, 2006

Lagnia

Kull min għandu blog xi darba jew oħra ħass il-bżonn li jitfa' lista (ġieli ma tispiċċa qatt) ta' affarijiet li jdejquh/a. Probabilment dak li jkun ikun qam bil-bajda mdawwra/qamet bih. Jien la għandi l-bajda mdawwra u wisq anqas qiegħed bih, imma dalgħodu kont qed naqra dan l-artiklu fuq kemm burdata ħażina jaf twassal għat-tħassir tas-saħħa, ġejt nitnellaħ (kemm hi isbaħ eh meta titfa' l-ittra "n" flok "m"?) minn saħħti u bdejt nikteb qisni miġnun.

Fi sforz li nipprova nagħmel lista differenti minn dik li hawn hawnhekk u mill-affarijiet li probabilment jobgħod kulħadd (bħal nies isuqu bil-mod fil-fast lane, Tista' Tkun Int, Dejjem Tiegħek Becky, qassisin li nqabdu b'każ ta' pedofelija, eċċ), ħsibt għal xi tlett minuti u ħriġt b'dan t'hawn isfel:

  • ikel imsaħħan;
  • il-fatt li, għalkemm ma jidhirx, tħoss li hemm manetti li jorbtulek idejk mal-mouse biex ma tmurx twarrab daqsxejn minn fuq l-iskrivanija tax-xogħol;
  • aftersales tan-nofs kedda, li ġeneralment issibu ħafna fi ħwienet ibiegħu l-PCs u affarijet oħra tal-IT. Qatt ma nista' nifhem kif tista' tieħu ġimgħa jew aktar biex tifformatjja PC jew tinstalla l-Windows, jew tneħħi virus, jew twaħħal hard disk, jew twaħħal biċċa RAM jew sempliċement tagħmillu backup;
  • spiritwalità żejda, bħal pereżempju meta tgħid salve reġina biex tpatti għad-dagħa li jintqal jew toqgħod tagħfas għajnejk ma' xulxin biex in-nies jaħsbuk aktar qaddis minni;
  • nies kważi illiterati li jħawwdu id-d mal-b u viċeversa;
  • nies kważi illiterati li jħawwdu il-p mal-q u viċeversa;
  • il-ħoss ta' speaker mifqugħ;
  • il-ħela;
  • nies li jipparkjaw bl-addoċċ qisu la hemm kaxxi b'linji bojod jew sofor u minn fuq jeħduwha kontrik jekk tkellimhom;
  • nies li mingħalihom għax xtraw album Lm3 kollox minn play.com ta' grupp mużikali li ħadd ma sema' bih l-massa griża ta' bejn widnejhom kibret xi nofs tużżana ċentimetri;
  • l-irtokk, l-eżaġerazzjoni tiegħu;
  • kritiċi tal-arti li għandhom Degree fix-xjenza mekkanika;
  • fwar fil-karozza li jekk tipprova tneħħiħ b'idek jibqgħalek tebgħa, jekk b'tissue titqattalek it-tissue u jekk duster jibqagħlek is-suf isfar imwaħħala mal-ħġieġa;
  • nies li għal domanda bħal: "Xi tħobb?" iweġbuk: "Minn kollox" bla ebda ħjiel ta' individwaliżmu san.

Il-lista jaf tiżdied jew tonqos, jiddependi mit-temp (?). M'inix daqshekk bniedem antipatku wara kollox.

2 Comments:

Blogger Kenneth said...

Nies li mingħalihom għax xtraw album Lm3 kollox minn play.com ta' grupp mużikali li ħadd ma sema' bih l-massa griża ta' bejn widnejhom kibret xi nofs tużżana ċentimetri

Play.com wisq mainstream, man! (Is-sarkażmu jieqaf hawn)

01:38

 
Blogger Janice said...

Quite a well-thought list in my opinion :)

19:17

 

Post a Comment

<< Home