Oliver Twist u Roman Polanski
Kienet ta' sorpriża kbira għalija nara l-isem 'Oliver Twist' u 'Roman Polanski' miktubin ftit ċentimetri bogħod minn xulxin. Roman Polanski, direttur Pollakk li rajnielu films klassiċi u ta' ċerta immortalità bħal Chinatown, Rosemary's Baby, the Fearless Vampire u The Pianist, kellu ħajja kemmxejn imċajpra u mċappsa.
Kien il-magażin Vanity Fair fl-2002 li kien 'kixef' il-borom ta' Polanski u xerrdu mad-dinja l-informazzjoni li rawh jipprova jgħabbi tfajla mudella Skandinava (Svediża preċiżament) filwaqt li kien sejjer il-funeral ta' martu Sharon Tate li kienet inqatlet brutalment Londra minn fanatiċi ta' Charles Manson. Hemm min rah bħala ħanżir bla ebda ħjiel ta' rispett lejn żwieġu u hemm min rah l-idolu tiegħu f'ta kemm irnexxielu jirkupra malajr wara l-mewt ta' martu. Bil-liberalizazzjoni sfrenata li qed issir fid-dinja tal-media, saħansitra fuq dil-biċċa blata, Polanski tefa' libell lill-magazin u ċaħad kategorikament li għamel dak kollu li l-magazin kien qal li sar. Is-sentenza inqatgħet favur Polanski fejn ġie ippruvat li f'dak iż-żmien fejn Vanity Fair 'akkużawh' li kien New York, fil-fatt kien għadu qiegħed Londra biex jattendi l-funeral ta' martu. Il-każ kompla jsir aktar kurjuż (jew kif jgħidu bit-taljan 'si infittisce') meta Mia Farrow, attriċi protagonista f'film tiegħu stess (Rosemary's Baby), tat ix-xiehda tagħha li ratu 'jagħti ċerta attenzjoni lin-nisa' (bħallikieku mhux xorta raġel baqa'). Vanity Fair ammettiet li ħadet żball, imma b'attentat imqanżaħ biex terġa' tiġbor lura ġieħha qalet li kienet żbaljata biss f'rigward ta' timing.
Vanity Fair xorta ma kienux kuntenti, riedu jpattuwielu u qajjmu l-akbar storja li għandu x'jirrakkonta Polanski, u li probabbli se teħodlu erba' kapitli mhux ħażin fil-bijografija tiegħu. Irreferew għal dak l-'inċident' li seħħ lura għal-1977 f'xi dar lussuża f'Canyon il-Mulholland. X'għamel? Irrejpja tfajla... tifla propjament ta' 13-il sena. Fejn? Fil-jacuzzi tad-dar ta' Jack Nicholson wara li bellalha koċċ xampanja u quaalude. Kollox beda meta dit-tifla ta' 13-il sena ntefgħet għarwiena ħuta timmudellalu għal verżjoni Franċiża ta' Vogue, min hemm 'il quddiem jafu kulħadd. B'xi mod Polanski ħarab lejn Franza u ħelisha ħafif ħafif. Minn dakinhar 'l hawn qatt ma reġa' irritorna lejn l-Amerika għax isib il-bulldogs lesti biex jigdmuh.
Forsi tifhmu aktar issa l-problema li kelli nipprova ninjora dil-istorja u lil Polanski mdawwar b'dawk it-tfal kollha tal-klikka fosthom Oliver Twist filwaqt li l-pellicola kienet għaddejja.
0 Comments:
Post a Comment
<< Home