Nesa
Niżel l-aħħar skaluna tat-taraġ mobajl tal-ajruplan u erħiela wara l-merħla lejn l-ajruport ta' Fiumicino. It-temp kien għadu frisk, b'riħ kiesaħ moderat iwaqqaf is-suf fil-partijiet il-mikxufa. Reħilha fuq taxi, li ġieli kienu jsejħulhom cabbies u qagħad iħares lejn ix-xagħar innuklat tas-sewwieq li kien jixbaħ ħafna lil arbuxelli li kien hemm miżrugħa fil-ġenb tat-triq li qabad wara li għaddew l-autostrada.
Ma kienx jaf għala ġie Ruma, ħaseb. Jew forsi jaf? Le ma naħsibx.
Nesa.
Ix-xufier tah ħarsa ġentili mill-mera u staqsieh fejn ried jieqaf:
"Uve va segnor?"
"Mi porta a Via D. Fori Imperiale per piacere, grazie."
"Accord. Se sente bene segnor?"
Mejjel tnejn rasu biex jirrispondi fl-affirmattiv u reġa' ħares 'il barra.
"Te despiace se metti la radio, segnor?"
"No, l'accenda pure"
Radio 3. U beda jisma' lin-nies iċemplu bil-gzuz tant li l-preżentatur kellu xi problemi tekniċi, qal. Kulħadd iċempel jgħid il-problemi tiegħu qisu qed jikteb storja, anzi qishom qed jiktbu dramm. Dramm b'atturi mlaqqtin li dejjem jinsew il-linji li suppost tgħallmu bl-amment. Baqgħu jxerrdu l-inkwiet tagħhhom bħalma n-nanna kienet ixxerred borża tad-drapp kappar biex imbagħad toqgħod tneqqih.
Injora r-radju u sema' l-ħoss tal-magna tal-karozza minflok. Kellha ħoss monotonu, qatt ma jinbidel, imma ma tiskantax ġaladarba t-triqat bla ħofor. It-toroq ma kienux fancy b'ħofor diversi, ta' kull għamla u daqs. It-toroq t'art twelidu hekk kienu, u kien joqgħod joħloq ritmu ma' kull ħoss li tagħmel ir-rota meta tiblagħha ġol-ħofra. U l-ħoss kien ukoll jiddependi minn kemm hemm nies fil-karozza, u minn jekk hix franċiża jew ġermaniża, amerikana jew taljana. Il-ħoss tal-karozzi ġappuniżi nesa kif kien. Ġieli tela' fihom imma qatt ma ta każ, u ma ttihx tort.
Ix-xufier wasslu fid-destinazzjoni u wara li ħallsu tefa' l-kowt fuq dirgħajh u bl-oħra żamm il-bagalja ċkejkna li kellu. Kien jonqsu jfittex x'imkien fejn joqgħod. Għamel kollox ta' malajr, ibbukkja titjira mingħajr ma ħabbel moħħu għal saqaf taħt rasu. Injora l-ħsieb u daħal f'kafeterijja.
Sema' ħafna vuċijiet minn mindu daħal mill-bieb sakemm sab post komdu:-
"Ma quante volte te lo devo dire... questo NON MI VA!"
"Allora quant'è che ti trasferisci?"
"Non si può più! Basta! E!"
"È allora Mambo!"
"Ei ciao Fra, come va? Ti vedo in forma!!"
Kulħadd jgħid storja, kulħadd irid jitkellem. Ħasra li la hawn radju u lanqas preżentatur tar-radju. Poġġa bilqiegħda u għoġbu kif kien iddiżinjat il-menu - iswed, abjad u oranġjo. Forsi għalhekk kien jisimha "Arancietta" l-kafeterijja. Ġiet cameriera mimlija simpatija, tbissima wiesgħa min hawn sa Pluto u b'riħa dgħajfa ta' ħawħ barra minn żmienu. Kellha xagħar nokkli suwed kbar u ftakar x'kien jgħid s-Sur Pace tmien snin ilu lil waħda mill-istudenti tiegħu, kemm għax ħa grazzja magħha u kemm biex idaħħak:- un capriccio per ogni riccio! Din ma tantx dehret kappriċċuża...
Ma kienx għadu ddeċieda x'se jieħu. U lanqas ma ried jiksirha, allura ordna l-ewwel ħaġa li ġietu f'moħħu - tè. Kulħadd jieħu t-tè. Kulħadd. U jiġi f'kull forom u togħmiet, saħansitra ivvintaw id-decaf tea, li teknikament hija żbaljata peresli t-tè ma jistax ikun dekaffeinat. Allura l-ġenji tal-marketing użaw 'decaf' li hu aktar familjari u anqas stramb minn termini bħal de-theophylline jew de-theanine.
"Okay!" qaltlu b'vuċi melodika aktar mis-sonati ta' Felix. Felix Mendelssohn ovvjament. U stenniha sakemm għebet wara bieb tal-injam skur, b'xi brix ħafif viċin il-maqbad tiegħu. Ġabitulu f'ħakka t'għajn u qagħad jieħu gost jgħarraq il-lumija mqatta' pulita li tefgħetlu fih. Kien jagħli u ħallieh jibred biex ma jagħmilx xi jumejn b'ilsienu mtarrax. U hu u jilgħab ma' wild iċ-ċitru ftakar meta kien mar Sqallija u l-għelieqi bla tmiem ta' lumi. U ftakar fil-limoncello li daq, u fil-cassata siciliana, u fil-granita siciliana, u f'kemm hi kienet tħobb Sqallija - l-art ta' Pirandello, Sciascia, Verga, Quasimodo u n-novelli suwed tagħhom. Bired... it-tè bil-lumija. Fl-aħħar. Meta tkun waħdek xarba sħuna bħal iddum aktar mis-soltu biex tibred - is-solitudni minn dejjem kienet tħobb l-attenzjoni u ċ-ċajt goff. Niżżlu fi ftit belgħat, ħalla xi ftit ċenteżmi fuq il-plattina u flok ma sema' iċ-ċekċika, sema' biss ħoss matt ta' xi ħaġa taħbat ma xi ħaġa oħra. Waqgħu fuq l-irċevuta li ħallietlu nokkla sewda u ma messewx il-'porċellana'. Il-karta messu neħħiha qabel tefagħhom.
Ħareġ, mexa ftit passi u ra li beda jidlam. Ħaffef il-pass għax ma xtaqx jorqod għar-riħa tal-kartun b'xi wieħed xwejjaħ jirrakuntalu kif spiċċa bil-klieb jilgħaquh. Daqqlu l-mobajl. Kellu wisq affarijiet f'idejh u beda jipprova jsibu.
ĦABAT.
Ġiet dalma fuqu, aktar mdallma mis-sema blu-sewda. Waqa' mal-art u għamel ftit sekondi maqtugħ mid-dinja. Qam biex jgħin lill-persuna l-oħra li ħabat magħha. Raha tħokk rasha. Ratu. Għarfitu. Berraq għajnejh. Għamlet wiċċ ta' tfajla stupida u sorpriża fl-istess ħin. Tkellmet:
"Dave?"
Ftakar, imbagħad, il-għala kien mar Ruma.
0 Comments:
Post a Comment
<< Home