Thursday, January 04, 2007

Taħt l-istess kappa

Id-differenzi nħobbhom. Huma propju dawk li jisiltu in-nisġa tal-varjetà fost l-umani u kull ħlejqa oħra li timxi fuq l-art u sserrep tul il-kurrenti ta' dawk ta' żaqqhom ratba u rashom iebsa. Dak li faqqa' subgħajh u ħoloq dil-pjaneta u elf mitt kosmos ieħor tabilħaqq kien jaf x'qed jagħmel. Kultant id-differenzi jafu jkunu tal-biża', jew tal-għaġeb, jew tal-mirakli, jew tad-daħk jew saħansitra dawn kollha f'daqqa. Peres li jien inħobb nidħak waħdi u fis-silenzju iddeċiedejt li nħarbex rakkont jew narrazzjoni li dak li jkun jista' jħabbat wiċċu magħhom mingħajr ma jrid. Imlebleb biex nitfa' frażi clichè tipo 'laughter is the best medicine' imma se nissaporti. Pero mhux ħa nissaporti ngħid li ċertu Sinjur Berle kien qal li 'laughter is an instant vacation' u għal persuna msejkna li tgħaddi aktar sigħat fuq ix-xogħol milli b'rasha fuq l-imħadda, il-kelma 'vacation' tintiegħem oħla mill-ħelwa tat-Tork u melodjuża aktar mis-sireni ta' sidirhom barra fl-Odissea ta' Omeru.

*****

Wiċċ #1

Għall-ewwel kien qisu post tal-mażuni b'ħafna dwal ikkuluriti. Aktar ma qrobt aktar bdejt ninduna li kont żbaljat. Il-post kellu għamara skura imma mhux biżżejjed li tista' issejħilha sewda u kif appena tidħol kont tista' ixxomm ir-riħa tagħha flimkien ma' riħa oħra dgħajfa ta' inbid u fwieħa femminili.

"Yes sir, can I be of help to your kindself?" qaltli tfajla petite b'nuċċali pulit u bl-ebda xagħarha barra minn postha.

"Mejda għal tnejn jekk jogħġbok?" għidtilha jien b'wiċċ ta' baħnan, peresli xi ħadd kien diġà tarrafli li qas jekk tiksi lil San Ġużepp b'kisja deheb ma kien jirnexxielek issib post.

Kemmxet kemmxejn xufftejha, avolja dak il-ħin xorta għoġobni l-mod kif barmet xufftejha qishom raddi djagonali. Wiċċha straħ wara xi ħames sekondi: "There's a touble at the other end of the place, that should do". Imbagħad wiċċi straħ ukoll u lbist maskla ta' wieħed aktar aċċettabli għal quddiem nies.

It-taraġ kien tal-injam mit-tip li tara fid-djar tal-arkitetti. Slots ta' injam ħerġin mil-ħajt mingħajr puġġaman. Kif spiċċajt it-taraġ laqgħatna arkata enormi mdawwla b'dawl qawwi, li sa ċertu punt jirrilassalek is-sensi ta' kullimkien. Is-siġġijiet u l-imwejjed taħsibhom ħerġin min-navicella spazjali li dehret fil-film 'The Day The Earth Stoodd Still'; ċioè mhux prattiċi, minimalisti imma għal xi raġuni jiġbdu l-għajn.

Il-menu kellu ħafna karti mqabbdin f'xulxin b'biċċa ħajta simili għal dawk li jtuk il-bajjada meta tiġi biex tagħzel u tqabbel iż-żebgħa. Il-prezzijiet ma kienux mill-irħas - Lm5 għal xi ħaġa li fit-triq tlaqqatha b'Lm2.  Trid tħallsilhom l-interior design wara kollox.  Ma kontx sorpriż lanqas meta rajt ir-reċipjenti fejn fih ġew servuti dal-likwidi ogħla minn ġildi. Tazzi kwadri, ileqqu ħafna u b'ħafna ħġieġ.

Maġenbi kien hemm aktar nies. Kien hemm koppja. Hi kellha xagħarha isfar maħmuġ bil-kannella u kellha ġilda bellusija. Biex tifhmuni aħjar, kienet mit-tip li ma jagħmlux aktar minn siegħa single. Ma setgħux jieqfu jpaċpċu u hu, meta warrbet ma nafx fejn, qagħad joqgħod jogħxa jieħu r-ritratti fil-vojt bil-mobajl. Il-persuni l-oħra kienu wisq bogħod biex noqgħod nissendikalhom.

*****

Wiċċ #2

Kultant qisu mat-tokk ta' nofs il-lejl jew tas-siegħa jinfetaħlek ċertu aptit li jekk ma tissodsifahx ma jħallikx torqod u jekk jirnexxielek, tispiċċa toħlom ikrah (pereżempju li qabbdu lilek biex tkun il-bojja ta' Saddam). U waqt li tkun qiegħed itterraq mat-triqat f'nofs tal-lejl, issib dal-ħanut imwarrab f'nofs ħafna dħaħen ta' karozzi, muturi u trakkijiet. Insejt x'jismu imma naf li surtu tiegħu jikkonsisti f'madum abjad, ħġieġ b'ħafna stickers, riħa ta' żejt moqli u ħafna oranġjo.

Ipparkjajt addoċċ (għax m'hemmx ħjiel tal-linji fejn tipparkja) u dħalt. Nofs minuta qabli nzertaw daħlu ħames ġuvintur. Ġuvni numru wieħed kellu flok abjad bil-kliem "Lost Raider" kbar ħomor fuqu. Fuq il-komma kellu wkoll "I'm the Best, fuck the Rest". Ġuvni numru tnejn kellu xagħaru mqaxxra tant li rajt vina taqbeż min-nofs moħħu sal-qurriegħa. Ġuvni numru tlieta probabli mietulu xi tlett barrin u biex iżomm tifkira tagħhom qabdilhom l-imsielet ta' ma' imneħirhom u tefagħhom f'widnejh. Ġuvni numru erbgħa kien broke u ma ħa xejn. Ġuvni numru ħamsa ordna salad minn taħt l-ilsien. Jien kelli nistenna sakemm lestew bl-ordnijiet tagħhom fejn il-maġġoranza tagħhom ordnaw chicken fillet. Meta kważi spiċċaw ippruvajt naqbad kuntatt ma' tal-ħanut (li kien jidher qisu Tork) li kif ippruvajt niftaħ ħalqi ħa nordna sikkitni biex ikunu jista' jikkonċentra fuq dak li kienu għadhom kif ordnaw l-oħrajn. Ħabtet ħa taqbeż imma kont wisq bil-ġuħ.

Sakemm komplew jgħaffġu, jħawwdu u jbiddlu ż-żejt tac-chips intfajt nara l-menu pubbliku li ma kien xejn għajr biċċa plastik imwaħħla mal-ħajt. Ġibduli l-attenzjoni kliem li ma nassoċjahomx ma ikel bħal 'cole sole' (għal coleslaw imma almenu ġab l-ewwel kelma tajba għax hawn min jgħid cole slaw), 'pises' (għal pieces), 'filet' (għall-ewwel ħsibtu għandu traduzzjoni bil-franċiż imma ma naħsibx li kien il-każ), eċċ.

Meta kont kważi ġejt biex nordna jien ġew tfajla u tfajla naqa akbar (forsi ommha) li kellhom 80% fil-mija ta' ġisimhom mikxuf u li probabli jidħlu fihom irġiel aktar milli jidħlu ta' kuljum fil-mara tal-iStatwa tal-Libertà.  Qabbżuni. Ordnaw tnejn chips bla melħ u ftit bżar.

Messni jien, ordnajt u dam ħafna jħares lejn is-saqaf jipprova jaħdem is-somma tal-kont avolja kull ma ordnajt kienu żewġ affarijiet. Lebbitt 'il barra u kważi ħbatt ma' raġel matnazz ruxxan b'xagħaru mqaxxra. Mill-but ħareġ roll karti tal-għaxar liri u ġieni l-aptit naħtafomlu għax ma kienux jixirqulu. Minflok rebaħ il-lat kristjan tiegħi u għaddast rasi l-isfel.

0 Comments:

Post a Comment

<< Home