Anti-lagnia
L-antiteżi ta' din u biex, għal darba, ma nkunx negattiv (avolja kultant huwa ħafna eħfef li tkun negattiv milli pożittiv). Lista ta' affarijiet li kapaċi jbiddluli l-burdata għal waħda tajba, jiġifieri ħudu nota intom ilkoll li beħsiebkom tqattgħu aktar minn ħames sigħat fil-ġimgħa miegħi:
- ir-riħa naturali tal-ġilda ta' ċerta nies;
- ikel taljan;
- kotba;
- tazzi tal-inbid li jgħammxuk bl-indafa tagħhom;
- l-organizazzjoni, imma mhux il-mard li joriġina minna;
- stramba kemm tista' tinstema, id-deadlines għax ituni idea meta għandi nibda u meta għandi nispiċċa;
- dik ir-riħa ta' wara x-xita;
- il-ħoss li jagħmlu s-satal u l-ħabel meta jinxteħtu fil-bir biex itellgħu l-ilma. Il-ħoss partikolari jinħoloq ħabba l-forma ta' qanpiena li kienu (u forsi għadhom) jinbnew il-bjar, ovvjament aktar ma l-bir ikun vojt aktar il-ħoss ikun intens;
- il-fatt li tkun f'ristorant u l-wejter ikun jaf min ordna xiex, mhux joqgħod jiċċassa lejja jistennieni ngħidlu jien;
- dak il-mument eżatt meta l-likwidu jmiss mal-ponta ta' xofftejk int u tgħolli t-tazza biex tixrob;
- għodwa xemxija (ħalli imbagħad tagħmel ġurnata xita);
- is-sirda tas-sajf filgħodu, li ġeneralment tkun l-aktar preżenti mal-bajjiet, wara li tkun għamilt lejl rieqed fuq ir-ramel;
- nies li jafu jqabblu l-kuluri (mhux biss fil-ħwejjeġ imma anke fl-ikel, arti, interior design, eċċ.);
- il-Kavallier ta' San Ġakbu;
- nies li meta jgħidulek "kif int?" jgħiduwha għax vera jkunu jixtiequ jkunu jafu kif int;
- Ħal Lija u n-Naxxar;
- films li nkitbu mid-diretturi stess;
- il-minimaliżmu kkontrollat;
- il-qassata tal-ispinaċi li jbiegħ il-kjosk tal-barrakka ta' fuq;
- Delimara.
0 Comments:
Post a Comment
<< Home