Sunday, September 24, 2006

Erbgħa u tlieta

I

Ma felaħx aktar iħaddem l-immaġinazzjoni tiegħu. Fil-kamra kaħlija kellu dawl dgħajjef tant li bilkemm seta' jagħraf bejn ħajt u gwardarobba. Baqa' jiċċassa lejn ir-rifless tat-tieqa mal-ħajt (jew forsi gwardarobba) jara il-qtar tax-xita jagħmel effetti strambi fuq il-ħġieġa, bħal qisha qed tinħall. Kultant kien jara qisu wiċċ jibki, kultant qisha ruħ fil-purgatorju jew xi forma sfigurata ta' xi annimal.

Kien ilu fuq ġenbu xi nofs siegħa, b'lożor bojod karti u fuq rasu pittura ta’ Maria Teresa Pagan. Ma kienx jifhem fil-pittura, infatti la kien jiftakar x’jisimha l-pittriċi u lanqas kemm-il zero niżżel fuq iċ-ċekk, pero għoġbu kunjomha – pagan; dak baqa’ jiftakru.

Ħakk dirgħajh ix-xellugija u ħasibha xi irritazzjoni tal-ġilda. Bilfors hekk, ma setgħetx kienet nemusa.

Donnu bħal ħassitu u minn warajh telgħet id bi dwiefer miżbugħin b’xi kulur li ma setax jagħraf. Ma ndunax qabel messitu. Għannqitu. Qisu bħal inħasad u qagħad bilqiegħda fuq soddtu. B’ġismu mbuttalha idha ‘l hemm u ċanfarha.

“Itteballix l-arloġġ! Dan jiswa aktar minnek.”

Tniehdet tnejn nofsha rieqda, tagħtu sormha u kompliet tongħos. Baqa’ bilqiegħda jħares fil-vojt lejn biċċa għamara oħra (did-darba kienet il-gradenza, u la l-ħajt u lanqas il-gwardarobba). Neħħa l-arloġġ, dawwru wiċċu l-isfel u qagħad iħoss it-tinqixa tal-ittra ‘C’ għal ‘Cartier’ li kien hemm imnaqqxa fuq dahar l-arloġġ.

====================

II

Ħass għajnejh qed jinqalbulu waħedhom. Ma setax jagħmel mod ieħor ħlief jgħollihom ‘il fuq u jipprova jara oltre l-kappell t’għajnejh. Il-mużika ippossedietu. Ra kuluri jingħaqdu flimkien, ċrieki jduru fil-vojt, kwadri maqlubin li wara ftit jerġgħu jiġu f’posthom. Xi ħadd ġie ħasdu jgħajjat f’widnejh:

“X’buzz hawn eh?!”

Xejjer tnejn rasu qisu biex ifarfar xi trab li qabadlu ma’ rasu u b’wiċċ li juri ċerta bluha qallha:

“Eh… iva”

Qabadha minn idha u ġibidha lejh. Qabdilha sormha u tant kellha sormha żgħir li ffitja preċiż fl-intern t’idu. Bisilha għonqha u minflok sab lilu nnifsu jbus ix-xagħar twil li kellha jtir. Lanqas biss ħarset lejh.

Beda jieklu l-minkeb u l-madwar. Xammar il-qmis għax ma felaħx iħokk minn fuqha u ġġennen x’ħin ra infezzjoni enormi madwar it-toqba fejn kien injetta likwidu ta’ kulur stramb. Kienet saret qisha amoeba fuq mikrosopju, uriha lit-tfajla b’wiċċ imqarras. Meta ratha, ċaqalqet ftit rasha, għollietha u stabtet mal-art. Kien wisq għajjien u mitluf biex jippanikkja. In-nies qishom tbiegħdu kollha minnu u mill-folla joħorġu żewġt iġluf daqsiex lebsin l-abjad u l-aħmar li f'kemm ilni ngħidlek sparrixxewha minn dik l-għagħa. Stħajjilhom żewġ ilpup li ħarġu b'ħeffa minn xi arbuxell, iggranfaw ma' xi ċerva u ħallewlha biss il-kustilji ppuntati u mdemmija.

Kuluri. Dlam.

====================

III

"Imma int tħobbni hux?"
"Jinbidel xi ħaġa jekk ngħidlek 'iva'?"

Ħarset quddiemha lil hinn mill-windscreen, nofsha mbikkma b'dik ir-risposta. Ma setgħetx tifhem il-għala kien qed iħossha hekk għax bdiet tara ħafna sens f'dak li qal. L-'iva' u l-'iva, jien irrid' huma biss kliem fieragħ meta ma jitwettqux.

Xtaqet toqgħod tiċċassa lejh, imma taf li jobgħod min iħares lejh hu u jsuq. Jgħid li jibda jiftakar f'meta kien weħel mit-test tas-sewqan, dakinhar il-pulizija kien kielu bil-ħars matul dik il-mawra deċiżiva fil-madwar tal-Furjana. Kien fixklu. Qagħdet tosserva r-ritmu tal-lampi ta' matul it-triq li kull darba li jgħaddu minn ħdejn waħda kien tgħaddi bħal berqa dawl minn fuq il-bonnet jew minn fuq ħaġa oħra li jkollha wiċċ jirrifletti. Issugrat tħares sekonda lejn għajnejh. Dehru imberrqa u d-dawl riflessi fuqhom li kien ġej mil-mera ta' quddiem m'għenhomx wisq. Kompliet tħares lejn il-bqija tat-triq tipprova timmassakra s-silenzju. Is-silenzju għadu agħar mill-ħin, ferm agħar... u itwal ukoll.

====================

IV

"Imma int tħobbni hux?"
"Jinbidel xi ħaġa jekk ngħidlek 'iva'?"

'Din biex ġejja illejla? Ġennitha xi ħabiba żmagata milli għandha jew!? Dejjem tiġini b'dad-domandi li nibża' minnhom aktar mill-perċimes ta' Monte Karmeli b'senter taħt għabtu' ħaseb bejnu u bejn ruħu.

B'id waħda fuq il-bieba u l-oħra fuq l-istering qagħad jikkalkula li ma jaqbiżx il-linja bajda mtertqa tat-triq. Ta' warajh probabbli kellu z-zokkor f'għajnjeh għax xegħellu par floodlights tal-patrol boats. Bħallikieku hu, bir-Renault modesta tiegħu mhux diġà kien qed idawwallu biċċa mit-triq. Idjota. Minn taħt raha tħares. Kien swielu xi għaxar liri żejda dak il-kuntistabbli li qagħad jiċċassa lejh dakinhar li kien tela' l-Furjana f'dik is-sħana impestata tal-bidu ta' Settembru. F'Settembru kien iħoss is-sħana ta' sajf sħiħ tielgħa mill-art, sħana li ma kelliex ċans toħroġ f'xi żmien qabel. Ma riedx jaqla' paroli u ma qallha xejn. Jaf li kienet taf.

Imbagħad waqa' is-silenzju u moħħu ma setax isib fiex jaħseb aktar. Ftakar li kellu problema. Problema oħra apparti dawk l-għexieren li diġà kellu magħha.

"Illlum iddeċiedejt. Se nibda ndur bieb bieb inbiegħ magni li jneħħu it-tnietex tal-kalzetti". Talab li ma tinfaqax tidħak għax ma kellux aptit daħk.

"U xogħolok t'issa? Se ttih in-notice? Se tibdlu ma' xogħol daqshekk inkrepattiv?"

It-talb tiegħu instema' imma xorta skanta kif baqgħet serja. "Se ntijielu l-ewwel darba li nidħol xogħol. Hekk qed inħoss li għandi nagħmel. Niltaqa' ma ħafna nies, ma nismax min jgħajjat miegħi kull filgħodu, ftit responsabbiltà... u naħdem f'liema ħin tal-ġurnata rrid."

"Bħallikieku titlaq xogħol fiss u tintefa' fil-bejgħ tal-magni tat-tnietex mhuwiex atteġġjament altament irresponsabbli! Insejt li l-post li xtrajna bdew ifaqqsu l-annimali fih grazzi għall-abbandun totali li qiegħed fih?!"

"Il-post mhux problema. Inbiegħuh u nixtru ieħor... wara kollox int ridt tkun pompuża u tixtri post li jesa l-ġiex tużżani tfal ta' Marinton. Biex wara kollox jien u int biss konna se nibdew nżanżnuħ!"

"Mhux eżatt..."

"X'jiġifieri?!"

"Sirna tlieta."

Kien hemm sinkronija perfetta mal-beraq li beda jinstema' fil-bogħod u l-ħoss tal-brakes li waqqaf lit-tyres ħesrem.

1 Comments:

Blogger Janice said...

Tas-sensiela: 'When Shit Happens'..

01:06

 

Post a Comment

<< Home