L-Eġizzjan f'qiegħ ir-raħal
Wara parlata żgħira skoprejna li kien Eġizzjan, għalkemm fuq moħħu kellu stampat l-istilla u l-qamar ħabba l-fatizzi ta' wiċċu u l-fatt prinċipali li kellu ħanut Tork tal-ikel. Ma kien jitkellem xejn bil-malti u ingliż limitat, imma dejjem jifhem meta tordnalu xi naqra ikel. Qal li bir-russu jifhem aktar, imma naħseb kien qed jigdeb jew forsi xi hint biex jgħidilna li hu kien pimp u li kien jaf mnejn għandu jgħaddi biex iġiblek waħda safra mil-kesħa t'hemm fuq.
Imbagħad bdew jidħlu ħafna nies, wieħed wieħed.
Is-sakranazz - Ismar tuta, ħafna leħja u tattoos. Daħal kemmxejn jixxengel bil-karta tal-Lm2 f'idu lanqas jaf x'irid. Kellu żaqq daqsiex, aktar tonda mix-xemx u bil-ġilda streċjata qisha se tixpakka. Stennejtni ħa nara xi forma ta' sieq ċkejkna timbotta 'il barra, għax vera kien qisu qed iġorr fetu. "Tini Kinnie!" qal lil Eġizzjan bilkemm jinftiehem. L-Eġizzjan ma fehmux u baqa' jħares lejh. Tal-ħanut daħal ġewwa, ġablu ilma ffriżat u kompla jħares lejna niċċassaw lejh. Is-sakranazz deher imfixkel u reġa' insista; "Kinnie... ħa", newwillu l-Lm2 u deher qisu se jibda jitlef il-boxxla. Baqa' jxejjer il-Lm2 bħal ritardat u bħal speċi l-Lunzjata illuminatna fuq x'irid vera dal-bniedem. Ried li jsarraflu l-Lm2 ħa jkun jista' jġib flixkun mil-magna ta' ħdejn il-ħanut.
L-Għarbi - Qsajjar, ismar u bil-pakket tal-Benson & Hedges infilzat f'butt stramb li kellu fil-ġenb tal-jeans. Kellu l-leħja mqaxxra bl-eżatt qisu qagħad ikejjel bl-invell u l-iskwerra, tipo Craig David (darba smajt li fi żmienu Craig kien idum madwar tlett kwarti biex iqaxxar erba' sufiet...). Xagħaru qasira tgħum fil-ġel, fela tnejn il-post u wara li ordna li kellu jordna, intefa' fuq l-għatba tal-post b'idejh fil-but jgħarrex barra t-triq jomgħod u jmeċlaq iċ-chewing gum, tant li ħsibtha ħa tinqalagħlu l-jaw.
Il-buli - Waqaf bl-eżatt quddiem il-ħanut b'vann li kien jixbaħ dak il-vann hippie klassiku tal-Volkswagen pero dan kien ħafna ikbar, kien aħdar u kellu l-kabina bin-neon lights. Fuq il-ġenb tal-bieba kellu wkoll mniżżlin xi ismijiet ta' ditti bħal Kenwood, Pioneer, etc. Kien qed jisma t-techno għax l-istereo tal-vann tfielu wara li tefa' l-magna u b'hekk stajt nisimgħu aktar ċar. Tefa' kollox, tmattar waħda u sew tant li rajtlu l-mili kollu ta' snienu. Imbagħad ħareġ mill-vann b'ġildu roża roża qisu għamel xi ġurnata jixxaħxaħ mal-istatwi tal-kreaturi tal-baħar li hemm fil-funtanta tal-Belt. Kellu flokk biċ-ċingi isfar lelluxa imma donnu anke dak beda jqabbdu s-sħana għax għollieh u kixef żaqqu. Dan ukoll deher li kellu xi fetu f'żaqqu, imma mid-daqs naħseb kienu ilu anqas xhur idur u jitrembel fl-ilma tal-embrijun. Libes il-beritta (safra u bajda, pariċċ il-flokk) u berraq tnejn min-nuċċali kbir li kellu. Jidher li għoġbu wkoll il-film xXx għax f'dik il-parti tal-għonq bejn l-għadma tar-ras u d-dahar faqqagħlu biċċa ta' tattoo bil-kliem xXx.
It-trasvestit - Naħseb ma kellux ġuħ għax lanqas biss daħal fil-ħanut. Għadda kemm kemm minn quddiem il-bieb u għamel ftit sekondi jitkellem mal-buli. Kien fih mogħla hawn u liebes libsa xejn onesta sewda. Xagħaru twil, iswed u lixx aktar minn denb iż-żiemel. Intefa' f'karozza ftit 'il hemm mil-ħanut, fettaħ tnejn saqajh u beda jagħmel ħsejjes strambi qisu qed jieħu ħafna, ħafna gost. Imma ħafna ħafna, tant li kulħadd beda jiddieħek bih.
Il-film - Il-ħanut inzerta kellu televixin żgħir imdellek impoġġi f'rokna minnhom. Minn mindu dħalna sakemm ħriġna ma biddilx l-istazzjon, baqa' Retequattro. Kien se jibda film taljan. Bdew jidru l-ismijiet tal-atturi, wieħed wieħed:- Giancarlo Giannini, Laura Antonelli, Paola Borboni. Kumbinazzjoni sesswalment stramba li l-film kellu jkun Sessomatto - film cult taċ-ċinema Taljan.
2 Comments:
I really enjoyed reading that.It reminds me of the saying "If walls could talk" or "How I wish I was a fly on that wall"
20:16
Ke, din kitba interessanti ħafna. Prosit ħafna ta' kemm int kapaċi tiddeskrivi. Jien nieħu gost nosserva* in-nies, tipo xi ħadd li ħareġ mid-dar malajr biex jilħaq lil tal-ħobż u affarijiet hekk.
*nosserva u mhux nissindika ma noqgħodx wara il-purtiera jew purtella!
14:27
Post a Comment
<< Home