Thursday, April 12, 2007

L-Albaniż

Kont ilni nistennieh ħafna, ħafna u ħafna. Xtaqt nerħi xi forma ta’ protesta, jew tgergira imma ma stajtx. Il-missirijiet ta' ma nafx min dejjem tennew biex ma ndardrux l-għajn li se nixorbu minnha u din kont saħansitra se nogħdos fiha. Ħassejtni pensjonant inħuf, indur u napprezza l-ħamiem li kultant tiġini t-tentazzjoni naħseb li dawn xi darba kienu bnedmin ħżiena u issa bħala kastig saru ħamiem bil-ġuħ jittallbu għal farka ta’ bezzun.

Moħħi pero ma kien komdu xejn. L-inċertezza u d-dubju kieluni, apparti tsunami ta’ mistoqsijiet. L-ironija tal-ħajja nebbiexa wisq, tiżfen u togħla bla sabar.

Erġajt ittantajt nerġa' nħabbatlu fuq il-bieb kbir misterjuż, bħalma kien jagħmel kull mortali li kien jipprova jidħol fil-kastell tal-Konti Duckula b'irkupptejh iċekċku. Did-darba irnexxieli nisma' l-eku tat-taħbita u deher li kien hemm xi xaqq ta' risposta wara ħames sigħat ta' stennija mikula mill-għażż ta' ġurnata xemxija xitwija. Xiref mit-tieqa u rajt bniedem kbir u xwejjaħ... fl-aħħar stajt nidħol.

Tlajt taraġ iebes biċ-ċangaturi kbar u wesgħin. Bdejt qisni naqta' nifsi nitilgħu imma ma stajtx nieqaf hemm, mhux issa! Wasalt sa fuq nett u ħabbatt bil-bogħod. L-alabaniż xiref mil-bieb, akbar minn qatt qabel b'żewġ ċineg suwed faħma jżommulu l-qalziet milli jaqagħlu.

"Fiex nista' naqdik?" qalli b'leħen kemm kemm maħnuq.
"Ħsibtek kont qed tistennieni. Ma qalulekx bija?" staqsejtu jien kemmxejn imdarras.
"Ma jidhirlix... oqgħod bil-qiegħda daqsxejn hawnhekk ħa ninvestiga" u għamilli sinjal b'idejh biex inpoġġi fuq siġġu. Intefa' fuq is-siġġu u qabad ipejjep sigarett mingħajr m'għaddielu minn moħħu li jien setgħu idejquni s-sigaretti. Id-duħħan tagħhom ma inzertax wieħed antipatku u ma tajtx każ, f'moħħi kelli affarijiet oħra jdamdmu bħal xi ħadd jinkini u jgħajjat mil-bogħod: "Mit-taġen għal ġon-nar!"

--------

Sadanittant laħaq għadda ħafna żmien. In-nar ilħaqtu u ntfajt ġo fih imma oħroġ il-għaġeb mhux qed inħossu jħolli ġildi. Jew forsi għadni ma rabbejtx sistema nervuża sensittiva biżżejjed li tkun taf l-ammont ta' uġiegħ li dan in-nar jaf jikkawża. F'dak il-każ nitlob li nibqa' kif jien, illupjat, imqar sa ħamsa u għoxrin qamar ġdid ieħor.

0 Comments:

Post a Comment

<< Home