Iċċekkjat il-ħin - 07.24am. Qaħbeċ, qiegħda tard! Niżlet qisha miġnuna it-tlieta u għoxrin tarġa qisha waħda qiegħda taħrab minn ġiex tużżani lpup imġewwħin u kienet se titfixkel fl-aħħar waħda. Startjat u peresli r-roti ma kienux minfuħin sew, inħassdu mill-ħeffa li bihom kellhom jgħaqqdu fuqhom innfushom. Werżqu tnejn bħala protesta u neħħew l-għażż bla rażan li nxteħet fuqhom matul il-lejl.
Traffiku. Eżatt bħalma kien erbgħa u għoxrin siegħa ilu, u bħalma probabbli se jkun erbgħa u għoxrin siegħa oħra. Intefgħet tgħodd waħda waħda s-siġar tal-ġenb tat-triq - dsatax. Dejjem l-istess tgħodd, qatt ma ħarbitilha waħda (darba minnhom qabel ma laħqet is-sbatax-il waħda daħlet ġo vann toyota li kien hemm quddiemha). Issa se jkollha tibda tgħodd aktar pero, għax fil-ġenb tat-triq lemħet sitt ħaddiema tal-gvern b'ilbies kulur jgħajjat iħawwlu ħamsa oħra.
Waslet qrib il-post tax-xogħol u qagħdet tipparkja bil-galbu (għax dejjem ftakret meta l-pulizija kien weħħilha mit-test għax qalbet tank hi u ssuq b'lura). Qabel daħlet fl-ispazju kbir li kellhom għall-
parking, il-
park attendant kien diġà taha ħarsa biex tiftakar fih hi u ħierġa. Is-soltu dejjem tnewwillu ħames xelini, imma illum tagħtu tnejn tal-lampuka, u erba' tal-ballotra... jekk tiftakar sew. Stennietu ħa jqarras wiċċu imma ma għamel l-ebda reazzjoni.
Fetħet il-bieb tal-uffiċċju u rat li kienu 08.39am, aktar minn nofs siegħa tard, imma mbagħad ftakret li dak kellu kwarta eżatt 'il quddiem aktar mill-arloġġ tagħha. Probabilment mexxieh il-messaġġier li dejjem moħħu biex jiskarta u miegħu igawdu l-bqija tal-ħaddiema l-oħra.
Ma ħlietx aktar ħin, xegħelet il-kompjuter u bdiet tara l-
e-mails wieħed, wieħed. Ħdax minnhom kienu fuq prezzijiet diversi tal-viagra, ħamsa fuq it-tkabbir tal-ġenitali maskili, tnejn mingħand l-imgħallem u ħamsa oħra mingħand sħabha tax-xogħol fuq suġġetti varji; minn kwotazzjonijiet mill-bibbja sa preżentazzjoni bil-powerpoint b'ritratti ta' inżul ix-xemx f'Rio de Janeiro. Innuttat ukoll li wieħed minnhom mar direttament fit-
trash can - mossa ġenjali li tgħallmitha mingħand iż-żagħżugħ il-ġdid fis-sezzjoni tal-IT.
Wara ftit minuti ġie jlebbet warajha Ġorġ in-nittien (kienu jgħidulu hekk għax darba ġie sospiż fuq xi ħaġa li ħadd eżatt ma jaf x'kienet imma li probabbli kienet
sexual harassment) li dejjem kien isib xi ħaġa fuq xiex joħloq argument.
"Ara din, kif tissaportih il-ħin hekk? Bl-AM u l-PM jisirqulek nofs
taskbar?! Taf li dak tista' tbiddlu għat-24
hour format?"
"Ħallini fil-paċi Ġorġ, għadu qas sebaħ!"
Deher li nkiser, u dabbar rasu 'l hemm b'denbu bejn saqajh.
Wara ftit irċeviet messaġġ fuq il-mobajl mingħand xi ħadd. Ġorġ is-soltu kien jaqbeż u jsaqsiha jekk kienx xi '
lover' ġdid imma did-darba ma qal xejn. Il-messaġġ kien jaqra hekk:
"happy lucky bday swt! ure 24 on d 24th!"
'Idjota', qalet f'qalbha u dlonk ħassret il-messaġġ. Ġorġ qisha bdiet tieklu l-kurżità u mil-bogħod saqsiha minn kien biex reġa' ħa r-risposta tas-soltu; "mhux affarik!". Reġa' inkiser u għaddas rasu ġol-iskrin itaptap fuq tastiera storbjuża.
Imbagħad bħal qisu intebaħ b'xi ħaġa. "Int daqt se jkollok il-
birthday hux?" u taha ħarsa li jagħti tifel ta' 8 snin lil ommu wara li jkun għadu kif mar jaqdiha mingħand tal-
grocer.
"Iva... għada suppost" qaltlu nofs qalb.