Saturday, February 18, 2006

Ir-Retrophytes u l-ħajja urbana

Ir-Retrophytes

Ilbieraħ sirt naf li se jsir kunċert minn żewġ gruppi mużikali Maltin u peresli f’pajjiżna l-entertainment għall-ġenerazzjoni alternattiva huwa kważi non-eżistenti, qtajtha li nasal wasla sa Naasha. Kellhom idoqqu l-ewwel ir-Retrophytes u imbagħad Dripht. Nistqarr magħkom li l-unika raġuni li mort hemm kien biex nara lir-Retrophytes… id-Dripht qatt ma daqqewli min mindu daħlu fix-xena mużikali Maltija. Frankament, nippreferi niċċassa lejn il-cover li għamlitilhom Lisa Falzon għall-album tagħhom Global Warming milli nismagħhom. Il-baqra għalhekk tinbiegħ kollha wara kollox – min jieħu l-koxxa u min iħobb is-sorm.

U jkolli ngħid għoġbuni; ir-Retrophytes. Mhux li ħallewni b’ħalqi miftuħ bis-saliva ħierġa, imma nħoss li għandhom potenzjal biex ibiegħu. Rajthom jixbħu kemmxejn lill-Muse, imma kemm kemm.
____________________

Il-ħajja urbana u jien

Dik hi t-tema tal-aħħar sett ta’ ritratti li għadni kif tellajt fuq il-website. Ikolli ngħid kont ilni żmien naħseb fuqha, u kull meta mmur nimraħ waħdi qalb in-nitfa ruralità li fadal il-ħsieb jitlaħħam aktar u aktar.

Liem hi l-aħjar; il-ħajja urbana jew dik rurali? Ħafna probabli jwieġbu dik urbana… jien nagħżel li ma nweġibx. Mhux biex nidher xi elitist misterjuż imma għax qatt effettivament ma rqadt fuq skoss tiben, qatt m’għext aktar minn 24 siegħa bla dawl u ilma (ifhem, fis-sajf kważi, imma għadna ma wasalniex s’hemm s’issa), qatt ma mort inħoss il-qamħ jiżżerżaq bejn subgħajja, qatt ma kont bħal Randu (qed nirreferi għal Randu ta' Fejn Jixrob il-Qasab fis-Sajf ta’ Lino Spiteri).

Friday, February 10, 2006

DUO part IV

Kont ilni ma nħoss daqshekk adrenalina minn mindu tlift il-kumpass. Esperjenza liema bħalha: tara dawk in-nies japprezzaw dak li tkun ilek taħdem fuqu għal ħafna żmien. Emozzjonijiet ta' darba, uniċi. Ma stennejtx kumplimenti, imma l-fatt li kellhom par għajnejn iżebbġu kien ukoll biżżejjed għalija.

Nerġa' min hawn nirringrazzja lil dawk kollha li ġew u lil dawk li forsi għad beħsiebhom jiġu. Nerġa' intenni li għal min irid aktar informazzjoni fuq fejn jinsab eżattament il-Forn ġewwa l-Birgu jista' jikklikkja fuq dal-link. Min saħansitra lanqas il-Birgu ma jaf fejn qiegħed allura jista' jmur f'dil-mappa elettronika u jfittex min hemm.



Wednesday, February 08, 2006

DUO part III

Dejjem riesqa. It-tensjoni li kollox imur kif suppost dejjem tielgħa u sa jum u nofs ieħor inkun qed nara waħda mill-ħolmiet tiegħi ssir realtà.

Ilbieraħ filgħaxija kelli xi diffikultajiet f'xi affarijiet u jien, peresli l-ħsibijiet qatt ma jabbandunawni għal minuta bilkemm irqadt. Qomt b'ġiex boroż daqsiex u xil-5.45am kont diġà mqajjem. Dalgħodu għamilt serje sħiħa ta' telefonati u b'xi mod irnexxieli nirranġa l-gwaj li nqala'. Qiegħed nittama (għax hekk wegħduni) li sal-lejla għandu jkun kollox solvut.

Dik l-umdità qerrieda wisq... ħlief għat-tursin il-bir, s'intendi.

L-ewwel avviżi bdew jidhru wkoll għal udjenza usa' minn dik li qatt jistgħu jilħqu żewġ sempliċotti bħalna li għadna kif bdejna nimirħu fil-beraħ fost l-iljuni tal-arti. Iċċekjaw hawnhekk u anke hawnhekk.

Monday, February 06, 2006

DUO part II

It-tieni parti waslet ukoll. L-opening ta' l-eżibizzjoni se jsir nhar il-ħamis, 9 ta' Frar 2006, il-Forn, Gallerija tal-Arti u Wine Bar ġewwa l-Birgu. Pero ħabba raġunijiet ta' loġistika din il-lejla se tkun riservata biss għal dawk li jkollhom l-invit (skużawni l-aħwa imma m'għandix inbid għal kulħadd u l-post hu dak li hu!).

Kif jimplika l-isem, l-eżibizzjoni se tkun wirja ta' arti bl-użu ta' żewġ mediums - pittura u fotografija. Il-qasam tal-pittura se tkun f'idejn sieħbi u tal-fotografija f'idejja. Għal xi sneak preview tistgħu iżżuru s-sit tiegħi bħalma forsi diġà għamiltu, jew għallinqas hekk nispera! Pero nixtieq nisħaq punt li ħafna mix-xogħolijiet li se jkunu qed jintwerew huma pjuttost riċenti u ma hemmx referenza għalihom fis-sit tiegħi. B'kollox se jkolli ħdax-il biċċa xogħol - sebgħa monochrome u erbgħa bil-kulur (min dejjem kont niddiskrimina favur il-monochrome...) u s-suġġetti jinvolvu landscapes u still life.

L-eżibizzjoni se tibqa' miftuħa sad-9 ta' Marzu 2006 fejn nistidinkom ilkoll itterrqu daqsxejn għajnejkom tul ix-xogħolijiet filwaqt li tqarrmċu xi biċċa ħassa u/jew isoffu xi daqsxejn inbid divin Mediterranju.


Ħajr speċjali jmur lejn dawn in-nies:-

Sunday, February 05, 2006

Sing, sing, sing!

Meta jkollok is-serata annwali tal-mużika Maltija u l-uniku highlight tagħha jkun kantanti jċaqalqu ħalqhom bil-mic imnejjek, tibda tistħi tgħid li int Malti. Pero xorta naħseb li l-fatt li rajt lil Faniello u lill-aħwa Ellul ikantaw bla ma jinstemgħu qanqalli aktar emozzjonijiet minn dakinhar li Janet Jackson kienet mat-Timberlake u ħarġitilha iż-żejża.

Aqraw din - dan jaf jitkellem ħafna aħjar minni (x'tistenna? dak kittieb!).

Thursday, February 02, 2006

DUO part I

Qatt ma kont nimmaġina li eżibizzjoni fiha daqshekk uġiegħ ta' ras, tas-saqajn u tal-istonku. Battikata wara oħra imma finalment kważi lestejna u ħlisna (użajt il-verb 'ħlisna' għax meta ddum għal ħafna xhur tipprepara u taħseb fuq ħaġa partikolari donnok trabbi ċerta mibegħda lejha) kollox. Irnexxielna nġibu tlett sponsors pero: inbid, disinn grafiku u framing - tajjeb ħafna meta tqis li din hija l-ewwel eżibizzjoni tiegħi.

Jien u sieħbi qed norganizzaw eżibizzjoni imsejħa "DUO" li se tkun tinkorpora fiha kemm pittura u kemm fotografija. Intikom dettalji aktar tard u, kif jgħidu l-ingliżi, stay tuned! Pero jekk il-kurżità qed tiklilkom fwiedkom żommu għajn minnhom fuq ċerti gazzetti lokali (kemm dawk virtwali u dawk reali) - jaf issibu xi artiklu 'l hemm u 'l hawn fuqna.