It-Tnejn.
Temp imsaħħab, l-ebda raġġ ta’ xemx ma rnexxielu jmiss l-art umda.
7.45am – Joanne bilqiegħda b’daharha dritt quddiem skrivanija kbira maħduma minn injam tal-parana. Kienet iggwidata segretarja rqiqa kollha fwieħa sal-uffiċċju tiegħu. Wara li għamillha sinjal biex tgħaddi, taha sinjal ieħor biex tpoġġi. Kien qed igerrem waħda mis-saqajna tan-nuċċali u jirraġuna fuq it-telefon. Bl-id l-oħra kien qed ipinġi salib bil-pinna… kompli għaddej bil-linja u għamlu stilla… kompla jħażżeż u taqqab il-karta. Spiċċa d-diskursata u tefa’ t-telefon f’postu b’daqsxejn saħħa.
“Kif aħna Joanne?” qallha nofs sekonda wara.
“Mhux ħażin”
“Domt biex sibtu l-post?”
“U le… kelli diġa idea vaga ta’ fejn jinsab eżatt.”
“Sewwa wisq. Mela, jimporta nara x’ċertifikati ġibtli?”
Joanne newwlitlu l-karti kemmxejn musfara li kellha fil-basket mimli envelops kannella u ppruvat tara x’qed jaħseb mill-espressjonijiet ta’ wiċċu. Baqa’ jħares lejhom bla ebda espressjoni, stennietu se jdum aktar imma mill-ewwel dar ħarstu lejha u qalilha li dak li kellha kien biżżejjed. Ferħet mistħija u rringrazjatu b’ċerta diskrezjoni. Spjegalha x’kien se jkun xogħolha. Kien se jkun ma’ ħafna segretarji oħra f’uffiċini żgħar jittajpjaw l-ittri li jagħtihom hu. Qalilha li l-kompjuters li kellhom ma kienux tqal biex tħaddimhom u għalhekk ma kellha ssib ebda problema. Jekk jinqala’ xi intopp l-unika ħaġa li kellha tagħmel kien li tgħid lilu u jsolvi kollox hu. Joanne reġgħet ferħet u kompliet tifraħ sakemm qagħad jiddeskrivilha l-post u xi dmirijiet oħra li kellha twettaq sakemm iddum hemm ġew.
Wara li assiguratu li fehmet kollox medded għonqha għax-xogħol bla ħafna tnikkir. Kienet għaddejja tittajpja fuq it-tastiera meta f’moħħha ġie ħsieb li qatt ma xtaqitu li jiġi; ix-xogħol ta’ qaħba min se jagħmlu aktar? Issa probabilment ma kienx se jkollha aktar ċans taħdem dan ix-xogħol. Baqgħet taħseb sakemm sar il-ħin u reġgħet irritornat id-dar. Ħassitha aħjar f’dan ix-xogħol u biex ma tkomplix tkidd lil moħħha bl-istess ħsieb qatagħta li tibda taħdem biss ma’ Alfred. Iva m’Alfred. Alfred x’kunjomu? Skantat kif kienet għadha ma tafx x’kunjomu. Ħasbet li kienet spiċċat f’kumpanija fejn l-formalitaijiet jaħarbu minnhom.
Daqqu l-ħamsa.
Dawwret iċ-ċavetta fis-serratura.
Neżgħet u ħadet xawer.
Dalam. Raqdet b’xagħarha miftuħ imrewħa fuq l-imħadda. Ġisimha tond aktar mix-xemx, għajnejha forma ta' lewża matura kemm suppost u minn ħalqha ħierġa ragħwa ħelwa. Il-qamar ukoll ixxabbat biex jittawwal imma s-sħab għajjurin wisq u ħbewlu x-xenarju.
L-għada qamet u reġgħet għamlet dak kollu li għamlet il-ġurnata ta’ qabel bid-differenza li issa kienet taf fejn kellha tmur u x’kellha tagħmel. Għaddew diversi jiem u bħal bdiet tidħol bil-mod il-mod fir-rutina. Bdiet taħdem minnufih filwaqt li għal ħabta ta’ l-ewwel brejk rat dell iswed riesaq lejha. Kien Alfred. Qagħad ftit bilqiegħda fuq l-iskrvanija tagħha u ħarsilha b’mod differenti, mhux tas-soltu. Stennietu jiftaħ fommu ħa tara biex ħiereġ.
“Kif int sejra fuq xogħolok?”
“S’issa tajjeb. L-ewwel impressjonijiet tiegħi kienu pożittivi ferm.”
“Sewwa, jien nixtieq l-aqwa għall-ħaddiema tiegħi. Kont għadni biċċa ta' ġuvnott nistudja l-istrateġiji tan-negozju fejn kienu għallmuni li jekk titlef ħaddiem qisha inqatgħat vina f'ġismek." Ħa pawża. "Issa, fuq nota kemmxejn differenti, int kont għidtli li tgħix waħdek hux?”
Joanne skantat mhux ftit kif min ħaġa qabeż għal oħra u bħal donnha bdiet titfantas. Irrispondietu li kien qiegħed jgħid tajjeb.
“Mela la m'għandekx raġel jew tfal jistennewk, nista' nitħajjar li ma tgħidlix le jekk nistiednek biex illejla noħorġu ftit flimkien. Nitkellmu ftit fuq xulxin. Huwa importanti għal neguzjant li jkun jaf lill-ħaddiema tiegħu, anke fuq bażi personali."
Joanne bħal donnha antiċipat dil-'proposta'. Mill-ewwel kien għoġobha, mill-ewwel darba li ratu, issa ġietha x-xoqqa f’moxtha u aċċettat mingħajr ħafna entużjażmu żejjed. Hu deher kuntent ukoll u lanqas kienet għadha laħqet tbissmet li ma ffissax ħin u post fejn kellha issir il-laqgħa.
Il-ġurnata tal-laqgħa informali waslet.
Inħaslet u tefgħet kemm felħet fwieħa biex turih lil Alfred li hi kienet tifhem x’għandha tagħmel meta jkollha xi appuntament. Dawwret ukoll ir-rimmel biex ħarġet il-lipstikk u tela' ħelu, ħelu, aħmar, aħmar qisu mhux hu. Żelqilha min idejja u spiċċa eżatt fuq l-aġenda s-sewda. Bit-tisbita sar xi tiċlis ħafif. Ippruvat timsħu kif setgħet... u ftakret! Iċċekkjat malar l-aġenda u indunat li dakinhar ma kienetx ħielsa mill-appuntamenti. Kellha appuntament ma klijent: is-sur Galdo. Ma tatx kasu, insietu mill-ewwel. Ma kienetx se titlaq lil ġentlom bħal Alfred biex toħroġ ma’ dan. U wara kollox is-sur Galdo lanqas biss kienet tafu!
Ħarġet mid-dar qalbha ttir, moħħha biss fil-post fejn kellhom jiltaqgħu u ntasbet taħt il-monument ta’ Santu r-Rokku. Stenniet hemmhekk u qagħdet bilqiegħda bil-paċenzja u l-grazzja kollha tagħha. Għajnejha kienu qegħdin kontinwament iżebbġu tul il-bankini u t-tarmak tat-triq tistenna li minn mument għal ieħor tara lil Alfred ġej. Min jaf kemm-il darba kienet f’din l-istess sitwazzjoni, tistenna lil klijenti fis-sirda tal-lejl, fil-baħħ tat-triqat, imma dak kien żmien ieħor u tajjret il-ħsieb.
Santu Rokku kien fuqha jħarisha flimkien ma' ċorma klieb jilagħqulu l-ġrieħi. Talbitu talba żgħira minn dawk li kienet għallmitha n-nanna Gerit u kompliet tifli t-triq.
Fl-aħħar wasal bil-vettura tiegħu. Waqqaf bil-mod ħdejha u għamlilha sinjal biex tiftaħ u tidħol. Għamlet kif qalilha; fetħet u qagħdet bilqiegħda ħdejh, stennietu se jitlaq u jistartja mill-ewwel imma:
“Kif inti?”
Niċċa li żviluppat f'kelmtejn oħra. Kliem li jingħadu biex tidher aktar edukat u biex tifrex is-sodda qabel ma tasal għall-punt fejn moħħok ikun ippjana biex jasal. Hi ma kienetx taf fejn se jmorru u ħasbet li Alfred kien oriġinali biżżejjed li se jeħodha f'post li probabilment se jogħġobha żgur.
Fl-aħħar sabu restorant li kellu bixra li tiġbdek. Ipparkja, daħlu u sabu mejda. Mill-ewwel ġiet tfajla ħdejhom u ordnaw l-ikel. Waqt l-istennija ta’ l-ikel kulħadd jipprova jsib xi ħaġa x’jgħid biex jipprova joqtol il-kwiet li jista’ jinħoloq, li ħafna drabi ikun imbarazzanti ħafna.
“Allura… xi tgħidli? ...għidli fuq tfulitek.” qal Alfred li donnu ried jibda jħaffer fil-fond
“Jien ma tantx kelli infanzja brillanti. Missieri qatt ma sirt nafu sew, telaq mid-dar minn meta kont żgħira ħafna u imbagħad bqajt ngħix m’ommi. Xjieħet qabel iż-żmien u meta n-nies jixjieħu jidħlu f’dinja aktar kalma. Minħabba f’hekk jibdew jaraw affarijiet li qabel ma kienux jagħtu kashom. Jibdew jiflu kull ħaġa li jaħmlu l-oħrajn u mingħajr ma jindunaw ikunu qed jibdew iduqu u jdewwqu lill-oħrajn biċċa mill-infern. Jien iddejjaqni l-fitazzjoni u xbajt nisma’ lil ommi dejjem teqred u mingħaliha li kienet id-djarju ta’ ħajti. Għidtilha li ridt ngħix waħdi u għalkemm ħsibtha se teħodha bi kbira, hi m’għamlitx hekk. Bilkemm tat kasi. Biex issa ninsab hawn quddiemek f’wieħed mill-isbaħ ristoranti tan-naħa ta’ fuq.”
B’din l-aħħar frażi daqsxejn umoristika, Joanne ppruvat ittaffi ftit mil-kruha u d-drammatiċità ta’ l-istorja tagħha. Kif kienet qed tara lil Alfred jitbissem kienet se tipprova tieħu l-informazzjoni li issa kien imiss lilha dwaru u kienet se tistaqsih l-istess affarijiet li saqsiha, imma ma leħqitx għax rajt lill-wejter ippoġġilha platt ovali quddiemha.
Ikel. Il-kliem naqas għal kważi xejn.
Komplew jieklu flimkien sakemm l-ikel beda jonqos jonqos għax-xejn. It-tnejn ħarsu lejn xulxin u tbissmu.
“Naħseb issa sar naqra ħin, aħjar immorru d-dar. Niddejjaq noqgħod ħinijiet twal barra mid-dar.” gidbet hi.
“Owkej sinjorina” qalilha hu b’mod sarkastiku. Ħarġu mir-restorant iħokku ma’ xulxin qishom żewġ miżżewġin friski. Telgħu fil-karozza u Alfred beda jsuq. Joanne indunat li kienet qed iġġerri aktar mis-soltu u indunat ukoll li Alfred kien qed jaqbad rotta oħra. Jista’ jkun biex forsi jeħodha dawra ta’ l-aħħar jew biex idumu naqra oħra flimkien. Il-ħin beda għaddej u issa rat li r-rotta li kien qabad kienet kompletament żbaljata.
“Naħseb qbadt triq b'ohra. Jien noqgħod ‘il bogħod ħafna minn hawn.” tennet.
Tbissmilha, ma qal xejn u kompla jsuq. Iddeċiedet li tiskot u ħasbet li forsi din kienet xi sorpriża. Baqa’ miexi sakemm ġew quddiem il-baħar. Kien dlam ċappa... bilkemm bdew jaraw lil xulxin għax id-dawl tal-fanali tat-triq kienu ‘il bogħod wisq biex joffrulhom ftit dawl. Waqaf u tefa’ l-magna. Skiet perfett, it-twieqi kienu magħluqin u kull ma seta’ jinstema’ kien in-nifs tagħhom.
“Joanne - irrid ngħidlek xi ħaġa.”
Immutat, sikktet nifisha u waqfet par widnejn ta' ħmar li ma tmurx titlef xi konsonanta.
Rat idu mkeffna fid-dellijiet suwed ċappa titqanqal minn postha u tmelles xagħarha minn wara. F’idu kien hemm sens ta’ ġentilezza u passjoni. Baqgħet ma ċċaqalqitx tistennieh. Sakemm f’daqqa waħda ħassitu jġebbed xagħarha l-isfel tant li ħasset rasha tintrass ma’ fejn isserraħ rasek. Kienet qed tweġġa’ u għawġet għonqha biex itaffi mill-ġibda. Irrabjat.
“Aqtagħha Alfred!! Aqtagħha!!”
“X’jimporta li newġġgħek issa, ħadd m’hu se jisimgħek. Ikkonsla pero, lanqas lili ma semgħu meta kont qed inweġġa’ bħalek u aktar minnek!"
“X’inti tgħid? Qed tweġġani sew, ieqaf!”
Ma tax kasha u fost ħafna qrid u krib kompla jitkellem u jistqarrilha: “Ma rridx nieqaf, irrid narak issofri bħal ma sofrejt jien. Ja ġerrejja li int. Kemm kellek qalbek kiesħa, jekk qatt kellek qalb. Qaħba. Int kont il-kaġun tal-mewt tal-ħabib tiegħi... is-sur Scerri. Ja qattiela li int! Sraqtuli! Dak kien kollox għalija u int użajtu kif ġieb u laħaq. Possibli qatt ma ndunajt li kien iħobbok? Li sar iħobbok aktar
minni! Beda jitlef moħħu, għalxejn avżajtu kemm-il darba li int m'int xejn ħlief qaħba bla valur. Għalxejn kont wiegħedtu li jien lest intih id-dinja, għalxejn qattajt iljieli. Ħallejtlu biss biċċa karta... spiċċa temm ħajtu ħesrem għalik."
Joanne baqgħet tingħi u tokrob imma semgħet kollox. Minn taħt il-għajn u b'ħeffa kbira ġab ħabel u rabatha issikkata ħafna mas-
seat. Issa żgur ma setgħetx twerżaq għax kellha ħalqha magħluq b’tejp kannella oħxon. Dak il-ħin deher kuntrast kbir bejn wiċċ Alfred mimli ferħ u entużjażmu issa li kien għamel dak li kien ilu biex jagħmel u wiċċ Joanne iddisprat jistenna l-id sewda tal-mewt taqa’ fuqha. Raha titħabat tipprova tillibera ruħha minn dak il-ħabel jew għallinqas timbotta t-tejp b’xofftejha biex tneħħih, imma għalxejn. Qabel ma ħareġ mil-karozza qalilha ħallielha l-konklużjoni:
"Toqgħodx titħabat wisq għax aktar tifga malajr!”
Imbotta ftit il-karozza għan-niżla u ħalliha tiżżerżaq bil-mod lejn il-baħar. Seta jara l-bżieżaq tal-arja ħierġin u jisparixxu malli jilħqu ix-xifer kif ukoll id-dellijiet ta' rasha tiċċaqlaq tipprova tillibera. Baqa’ jħares sakemm ma baqgħetx tidher aktar.
Kompli miexi bil-mod waħdu. Fetaħ il-kartiera u sab ritratt żgħir tas-sur Scerri. Baqa' jħares lejh b'ċerta dieqa.
"Inħobbok"
- TMIEM -