‘Ma nistax nifhem kif post skwallidu bħal dan ma jfallix f’din il-konċentrazzjoni eżaġerata ta’
pubs, ħwienet tax-xorb u mitt elf storbju ieħor’, ħasbet bejnha u bejn ruħha. Legilget l-aħħar erba’ belgħat mid-drink safrani tagħha u kompliet tiċċassa lejn is-siġġijiet żlugati u mqaxxrin mill-verniċ oriġinali tagħhom. Il-post kien antik, stil Irlandiż u bla ebda ħjiel ta’ influenza moderna. Kien hemm ħafna anglo-sassoni, min waħdu u min le, kollha bjondi jew
redheads ibillu xufftejhom fir-ragħwa jew l-iskorċa tal-birra.
L-għarus tagħha kien qiegħed ibul fil-loki ta’ faċċata, probabbli qiegħed jirranġa n-naqra xagħariet imwaqqfin li fadallu u forsi jirranġa dik il-qmis imdeffsa fil-qalziet li ried jixtri akkost ta’ kollox waqt mawra fuq il-monti ta’ Ħal Qormi. Idjota. Anke xi tbajja 'l hemm u 'l hawn kellha.
In-naħa l-oħra lemħet tlett żgħażagħ – żewġ ġuvintur u tfajla - trio. Xebgħu jidħku, jiċċaċraw u jitkellmu jgħajjtu imma x’tista tistenna aktar minn nies ta’ dik l-età f’dal-ħinijiet? Għal mument xtaqet li tkun hemm, titmiegħek f’nofshom, moħħha għar-riħ imma taf li ma setgħet tagħmel xejn minn dan. Ħassitha xiħa ħdejhom. Diġà tfaċċat l-ewwel tikmixa u d-darba l-oħra lemħet xagħara bajda ftit ‘il fuq min widnejha x-xellugija. Imma ħadet żball, ma kinitx xagħra bajda, kienet biss illużjoni, rifless.
L-għarus tfaċċa. Ħxien u anke qsar xi naqa. Intefa’ addoċċ fuq is-sufan ħdejha u qarsilha kemm kemm koxxtejha. Ma qalilhiex kelma, tkellem mat-tazza birra li kien hemm quddiemu. Xorobha f’nifs wieħed qisu qatt ma xorob u meta lesta poġġa t-tazza fuq il-mejda b’tisbita tant li triegħdet. Pero ma nstema’ l-ebda ħoss minħabba l-mużika għolja li kien hemm. Stenniet it-tifwieqa ta' wara imma ma ġietx. Minflok qomos waħda bħallikieku żammha msakkra ġo l-istonku tiegħu.
Ma jridx jitkellem. Nixfu minn kull tip ta’ argument... titwerwer meta tipprova taħseb x’jista’ jsir minnhom sa għaxar snin oħra. Probabilment lanqas jibqgħu jorqdu fuq l-istess sodda.
Jiġrilhom xi ħaġa hekk.
Ftakret li kellha xi ħames sigaretti umdi fil-
handbag. Tawlet idejha u bdiet tħarbex fih tara ssibhomx. Il-pakket kienet remietu għax kien jeħdilha wisq spazju fil-
handbag. Bl-għaġġla qasmet wieħed, bis-sebgħa l-ieħor qabdet ta’ ħdejh. Ħarġet is-sigarett u l-
lighter fl-istess id u qaltlu: "Tlaqt sa barra npejjep... ". Taha ħarsa ta' approvazzjoni u kompla jiċċassa.
Kif kienet għadha fil-bieb tat in-nar għax barra kien hemm wisq riħ u kien ikun impossibli għaliha tqabbad dak id-daqsxejn tiben imnixxef. Qabbditu, daħna kbira u qabditha degħxa x’ħin ħabbtet wiċċha mal-bard modest t’April. Ħarset fil-bogħod tara n-nies nofshom fis-sakra, dwal iteptpu, flixkien jinkisru u lilha tpejjep.
F’dak il-ħin u l-mument rat daħna oħra ġejja min-naħa tax-xellug tagħha. Ittawlet u rat ġuvni, kien wieħed minn dak it-trio li rat qabel, forsi xi sentejn jew tlieta iżgħar minnha. Issa setgħet tarah aħjar għax intefa’ eżatt taħt il-lampjun rustiku tal-ħanut tax-xorb li kienu fih. Qabditu jittawlilha imma minnufih dawwar ħarstu n-naħa l-oħra. Għal mument beżgħet li seta’ ra dik ix-xagħarha bajda imma serrħet moħħha għax ftakret li dik li rat dakinhar kienet biss ċajta kerha tad-dawl stramb ta’ kmieni filgħodu. Baqgħet tiċċassa lejh sakemm dawwar ħarstu, apposta biex taqbadlu għajnejh.
Ħares.
Tbissmitlu.
Staħa.
Niżżel rasu l-isfel.
Reġa’ ħares, reġgħet qabditu, reġgħet tbissmitlu.
Iġġebdet u resqet lejh.
Inġibed lura, tbissem u tefagħlha ħarsa ta’ mqareb, qallha: "Aħjar le, int frotta projbita"
Spiċċalu s-sigarett u beda jinħaraq il-
filter.
Daħal ġewwa, stenniet żewġ minuti u għamlet bħalu. Ma qagħditx bil-qiegħda, lill-għarus qaltlu li ddejqet u telqu d-dar. Meta jkunu sejrin lura lejn il-karozza dejjem jimxi xi metru jew tnejn qabilha, u tobgħodu fuq hekk.