Il-mard u l-Addolorata
It-tabib niżżilli tlett ijiem fuq iċ-ċertifikat – dan huwa t-tieni jum tal-mard tiegħi, forsi fit-tielet jum nirxoxta. Qed nieħu r-ruħ li qiegħed id-dar u ħrabt naqa minn dak l-uffiċju bil-fitted carpets lewn l-inbid aħmar avolja xbajt nibla’ pilloli biex ma nintilifx f’xi alluċinazzjoni marradija.
Pero meta nkun marid, għal xi raġuni, nsir aktar produttiv fejn jidħol post-editing ta’ ritratti. Il-ħmistax ta' Jannar se tkun id-deadline ta' kompetizzjoni fotografika lokali bit-tema ta’ patrimonju kulturali u ddeċidejt li nidħlilha. Tfajt mużika daqsxejn alternattiva (Martin Grech, Goldfrapp u Interpol) u ntfajt nipprepara erba’ xogħolijiet fuq stil monochrome. S’issa lestejt wieħed u nofs, għalkemm il-probabilità hi li sakemm tingħalaq il-kompetizzjoni nkun għamilt xi erba' modifikazzjonijiet oħra. Jaf illum ritratt tarah tajjeb, għada tarah b’nuqqas ta kuntrast, pitgħada żżidlu d-dawl u pit-pitgħada tneħħilu xi dabra sewda li kont għadek ma nnutajthiex.

Dakinhar li mort niehu dar-ritratt kont fittixtha dil-miżbla… bqajt ma sibthiex, jew sibtha u sempliċement ma ndunajtx għax kont moħħni wisq fl-ismijiet ta’ fuq l-irħam. L-aktar l-aktar li sibt kienet roqgħa abbandunata ferm fejn l-oqbra qegħdin impoġġijja forma ta’ ċirku… speċi bħalma jkun teatru Grieg, sakemm indunajt li f’dil-parti kienu jindifnu feti u trabi.